Is. xj.   Acanthus molli. Ing. Bear’s Breeches. Pjanta perenni li tinsab mifruxa mal-Mediterran kollu, li bil-Malti hi magħrufa wkoll bħala kromb il-blat. Din il-pjanta tikber fis-selvaġġ, eż. fil-Buskett, u  għandha weraq kbar imlaħħmin. Fl-aħħar tas-sajf il-ħannewija tispara ż-żerriegħa. Il-forma elaborata tal-weraq ta’ din il-pjanta ispirat lill-bennejja Griegi biex jżejnu l-kapitelli kolonni tat-tempji u bini ieħor importanti bi skultura b’sura ta’ din il-werqa. Ir-Rumani u nies oħra fi ħmien aktar riċenti baqgħu jużaw dan l-istil f’bosta bini importanti. L-istil ta’ dan il-kapitell ngħidulu ‘Korint/u’.