Sħab pjuttost żgħir li jkun kemxejn fil-griż, biżżejjed biex idallam xi ftit. Norm. dan is-sħab jgħaddi fil-baxx u jagħmel biss ftit irxiex. Dun Karm, f’deskrizzjoni li jagħti ta’ nżul ix-xemx, jiddiskrivi l-ħajbur b’dan il-mod: ‘is-sema b’xi ħajbur ħafif tas-sajf qisu weraq tal-felċi…’ Sors: Ward ta’ Qari Malti (1936), p. 192. Dan in-nom jintuża wkoll b’mod metaforiku minn Temi Zammit f’Il-Ħolma ta’ Żeżina’, meta l-omm tagħti parir lil bintha: ‘Binti, il-ħolm sħab tas-sajf, ħajbur, jitrabba u jisfa fix-xejn f’radda ta’ salib.’ Sors: Nies Bla Sabar u stejjer oħra, p. 47. Ġużi Gatt, fil-ktieb tiegħu Qiegħda fuq il-Ponta ta’ Lsieni, p. 24, jispjega li hemm il-ħajbur sajfi (is. xj. Cumulus) u l-ħajbur xitwi (is. xj. Cumulonimbus). Ing. cumulus clouds.