Il-ħaffiefa tintuża l-aktar biex tnaddaf u tobrox b’mod ħafif l-impuritajiet mill-ġilda tal-bniedem. Dan isir l-aktar fuq l-għekiesi, biex imur l-għakar li norm. ma jmurx malajr bil-ħasil normali. Il-ħaffiefa tintuża wkoll biex tneħħi l-ġilda niexfa mill-qiegħ tas-saqajn. Dari kienet tintuża wkoll min-nisa biex twaqqa’ s-suf li jikber mar-riġlejn. Il-ħaffiefa tikkonsisti minn ġebla vulkanika li minnha tittieħed biċċa żgħira biex tintuża b’diversi modi biex tqaxxar ħafif. Il-materjal li minnu magħmul dan il-blat jifforma mil-lava li mill-vulkan tisplodi fl-ajru u tifforma ġebla mimlija pori (70% pori bl-arja). Din tkun tant ħafifa li anki tista’ żżomm f’wiċċ l-ilma mingħajr ma tegħreq. Kulur din il-ġebla vulkanika jvarja minn isfar, kannella u griż sa iswed. Fig. ngħidu ‘rasu ħuffiefa’, jiġ. moħħu mimli bil-pori tal-arja bħal ħuffiefa, u għalhekk mhux kapaċi jżomm ħafna ħsibijiet. Il-ħaffiefa tintuża anki fil-kostruzzjoni, l-aktar barra minn Malta. F’Malta ntużat ġebla ta’ din il-kwalità fil-bini tal-akkwadotti.