ĦABBA    (pl.) ħbub  1. Munita tar-ramm, imsejħa wkoll grano li kienet tgħodd bħala valuta legali f’Malta minn żmien il-Gran Mastru Hughe Loubens de Verdalle (1582-94), u li baqgħet valuta legali sa żmien l-ewwel għexieren ta’ snin tas-seklu għoxrin. Għoxrin ħabba kienu jiswew tari wieħed. Fi żmien l-Ordni, kien hemm ħdax-il Gran Mastru li ħarġu muniti ġodda tal-ħabba. Fl-1608, jiġifieri, fi żmien il-Gran Mastru Alof de Wigncaocourt, ġew mitbugħa anki l-muniti tan-nofs ħabba. Fi żmien il-Gran Mastru Pinto, (1742 -1757) kienu ġew maħruġa mal-1,050,000 muniti tal-ħabba, u l-valur ta din il-munita żvaluta b’mod alarmanti. 2. Ħabba tal-għajnejn. Iċ-ċirku iswed jew kulur ieħor tal-għajn.  Idj: i. ‘Dak qisu ħabba ħażina’, tingħad għal xi ħaddli ssibu kull fejn tmur. Idj: ii. ‘Tal-ħabba gods’, tingħad għal xi oġġett ta’ kwalità ordinarja. Idj. iii: ‘Għal ħabba bżar titlef il-borma’; iv: ‘Għal ħabba jqaxxar qamla’. Ara : Currency in Malta ta’ Joseph Sammut, p. 63. ‘The History of the Maltese Ħabba or Grano’  Heritage Vol I, pp.92-96; ‘The Story of the Maltese Ħabba or Grano’, Heritage Vol 2. pp 154-157). ‘Flus Maltin, Kejl u Qisien’ ta’ Ġużi Gatt, Folklor, ed. Guido Lanfranco; pp. 85-90.