Logħba li minn isimha u mill-mod kif tintlagħab tagħti ħjiel li jista’ jkun li kienet ispirata mill-imblokk storiku li sar mill-Maltin fuq il-Franċiżi bejn l-1798 u l-1800. Din il-logħba kienet tissejjaħ ukoll ‘Nista’ Għalik’. Din il-logħba tintlagħab bejn żewġ gruppi ta’ tfal. Kull grupp jimmarka żona bil-ġebel u bil-linji mpinġijin fl-art, biex dawn jirrapreżentaw il-‘belt’ li jkunu qegħdin jiddefendu; imbagħad il-‘ħabs’ ikun immarkat b’ġebla. Miż-‘żona-belt’ ta’ kull grupp it-tfal taż-żewġ naħat kienu joħorġu għan-nofs, bil-ħsieb li kull wieħed ‘jarresta’ l-għadu’ billi appena jirnexxilu jmiss lil xi ħadd b’idu. Min joħroġ l-aħħar ikun jista’ jaqbad lil min ikun ħareġ qablu mill-grupp l-ieħor u jisfidah billi jgħidlu, ‘Nista’ għalik!’ Kull min jinqabad, jintefa’ bħala ‘priġunier’ fil-‘ħabs’. Biss dak li jaqbad lil xi ħadd ikollu jmur fil-‘belt’ tal-‘għadu’ biex jikkonferma l-qabda li jkun għamel, billi jagħti tliet daqqiet lil wieħed mill-għedewwa. Mat-tielet daqqa dan it-tifel irid ikun ħafif biex jaħrab lura minn fejn ġie, biex ma jinqabadx. Lanfranco jgħid li din il-logħba hi simili ħafna, jekk mhux l-istess, bħal-logħba Gardinaw. Anton F. Attard jgħid li f’Għawdex din kienet logħba differenti għalkollox minn Gardinaw. Attard jgħid li l-Gwerra Franċiża kienet x’aktarx l-aktar logħba popolari mas-subien f’Għawdex, u kienet toħloq eċitament kbir. Ara: GARDINAW. Sors: Logħob Folkloristiku ta’ Għawdex, Anton F. Attard, pp. 76-77. Ara: Logħob, Taqbil u Ġugarelli tat-Tfal Maltin ta’ Guido Lanfranco, Wise Owl Publications, p. 31.