Qafas tal-fildiferru li fl-antik kien jintuża biex fuqu jinħiet dublett biex dan jieħu l-forma ta’ qanpiena. Id-dublett ta’ dan it-tip jgħidulu ‘kloxx’, (Fr. cloche) li tfisser qanpiena. Dan it-tip ta’ lbies kien moda u popolari man-nobbli ta’ Franza u pajjiżi oħra Ewropej, l-aktar fis-sekli sbatax u tmintax. Tal. guardinfante. L-isem ‘gwardinfant’ għandi nifhem li oriġina mill-fatt li dan it-tip ta’ qafas, biss iżgħar, kien jintuża biex it-tfal żgħar li jkunu għadhom kemm bdew jitgħallmu jimxu jkunu mqiegħda fih, biex ikunu jserrħu miegħu biex jitgħallmu jagħmlu l-ewwel passi. Ing. farthingale. Dan il-qafas jidher f’pittura ta’ Antoine de Favray, li hemm fil-Mużew tal-Arti, il-Belt.