Fi żmien l-Ordni, il-proċess bil-ġurija ma kienx jeżisti għax is-sistema tal-qrati dak iż-żmien kienet ibbażata fuq id-deċiżjoni assoluta tal-imħallef, jew kif kien magħruf dak iż-żmien il-kastellan. Fiż-żmien bikri tal-Ingliżi f’Malta, is-sistema tal-ġurija tħaddmet għall-ewwel darba b’mod iżolat fis-16 ta’ Novembru 1815, meta kienu akkużati bosta barranin bis-sibi (il-piraterija). Dan il-proċess seħħ fis-Sala tat-Tron tal-Palazz u kien ippresedut mill-Gvernatur Thomas Maitland innifsu. F’dan il-każ, Maitland kien assistit minn erba’ kummissarji. Fis-sena 1829, fi żmien il-Gvernatur Cavendish Ponsonby, is-sistema tal-ġuri fil-qrati kienet stabbilita b’mod permanenti għal każijiet fejn kien hemm pieni ta’ mewt jew pieni ħorox. Imbagħad, fis-sena 1844, il-ġuri beda japplika wkoll kull fejn il-każ kien iġorr miegħu piena ta’ aktar minn ħames snin priġunerija. Bis-sistema ġuridika u r-reviżjoni tal-kodiċi kriminali fl-1954, is-sistema ġudizzjarja stabbiliet ruħha kull fejn il-każ seta’ jimplika piena ta’ aktar minn sitt xhur priġunerija. Fis-sena 1980 din is-sistema ġiet modifikata b’mod illi l-imputat li jkun akkużat b’reat li bih jista’ jeħel bejn sitt xhur u għaxar snin ħabs, ikollu l-fakultà li jagħżel hu jekk iridx li l-każ tiegħu jkun deċiż minn imħallef jew inkella ddeliberat minn ġurija. Sors: British Malta, Vol. I ta’ A.V. Laferla, pp. 107, 108; Description of Malta and Gozo, P.C. Badger, 1858, pp. 144, 145; ‘The Maltese Criminal Code of 1854’ ta’ Albert Ganado, The Sunday Times, December 14, 2003.