Fardal żgħir tal-ħarir li jitqiegħed fuq ħoġor l-Isqof waqt il-quddiesa pontifikali, jew tax-xoqqa, waqt funzjonijiet oħra reliġjużi. Meta l-Isqof jilbes il-grembjal dan għandu jkun tal-istess kulur bħall-garżubla. Ara: GARŻUBLA. Il-grembjal jintlibes ukoll meta jsir it-tberik tax-xema’, id-dlik biż-żejt waqt l-ordinazzjoni tas-saċerdoti, kif ukoll waqt il-ħasil tas-saqajn f’Ħamis ix-Xirka. Għaldaqstant l-iskop prinċipali tal-grembjal hu dak li jipproteġi l-garżubla milli titħammeġ bil-qtar taż-żejt li jista’ jaqa’ mill-flixkun. Tal. grembiale. Ing. gremial.