Marda infettiva li jekk ma tkunx ikkontrollata sew, tista’ tinxtered u tilħaqq livell epidemiku. Din hi marda li tista tolqot il-bniedem b’wieħed minn żewġ tipi ta’ virus li bil-Lat. huma magħrufa bħala: variola maior jew variola minor. Variola tfisser ‘ittikjat’ għaliex wieħed mis-sintomi ta’ din il-marda huma tikek ħomor li joħorġu fuq il-ġilda. Fl-Ewropa, it-term. ġidri, (smallpox), beda jintuża fis-seklu ħmistax, biex jidentifikaw li din il-marda kienet differenti mill-bigpox, li kien terminu ieħor għall-marda tas-siffilis. Il-marda tal-ġidri qatlet miljuni ta’ nies fid-dinja, sakemm finalment, l-Għaqda Dinjija Tas-Saħħa eradikata fl-1979. Malta ntlaqtet minn diversi epidemiji tal-ġidri. Fost dawn insibu dik tal-1830, fejn kienu infettati mal-10,000 ruħ, u li minnhom mietu mal-1,500. L-epidemija reġgħet laqtet lil Malta fl-1860, fl-1870 u fl-1873. M’għandniex inħalltu l-ġidri mal-ġidri r-riħ (chicken pox). Ara : Storja ta’ Malta, ta’ John Inguanez.