B’xorti tajba illum hawn għadd ta’ kittieba li ppubblikaw xogħlijiet u snajja’ ta’ l-imgħoddi. Snajja’ li kienu jintirtu mill-missier għal għand l-iben. Sa’ ftit ta’ snin ilu, ċerti snajja’ baqgħu jinħadmu bħalma kien isir żmien ilu bi ftit li xejn tibdil. Ħafna minn dawn is-snajja’ llum nistgħu ngħidu tbiddlu fil-metodu tagħhom jew għebu mill-ħajja Maltija u magħhom intilfu metodi u dettalji ta’ xogħol kif ukoll tradizzjonijet oħra marbuta magħhom. Ħafna mix-xogħol illum isir minn għodod antiki f’xi ħwienet tax-xogħol, ftit li xejn isir użu minnhom. Għalhekk jistgħu jingħaddu bħala għodda ta’ l-imgħoddi.

Kitba u disinji ta’ Joseph Caruana. Dan l-artiklu deher oriġinarjament f’L-Imnara. Vol 8(2005)2 Nru 29. L-ixbihat ġew edidjati minn ilmiklem.com biex jidhru aħjar fuq l-internet.

Bħalma bosta jafu kull sengħa kellha u għad għandha nomenklatura u terminoloġija tagħha li bihom jiftehmu fit-taħdit tagħhom dawk li jaħdem fiha. Hekk insibu li kull sengħa kellha ċerti għodod partikulari.

Bħala wieħed li ġej minn familja bi tradizzjoni twila ħafna fis-sengħa tal-bini tad-dgħajjes, u minħabba li jien stess ħdimt għall-numru ta’ snin f’din is-sengħa, ħassejt li jkun tajjeb li nsemmi xi ftit mill-għodod li jintużaw f’din is-sengħa li qiegħda tispiċċa. Naturalment qiegħed nirreferi għall-bini tad-dgħajjes tal-injam.

Dari mhux l-injam kollu kien jiġi lest għax-xogħol bħal lum, jiġifieri mqatta’ fi twavel, virguni, eċċetra, kollha ta’ diversi ħxunijiet, imma kien jiġi fi zkuk sħaħ. Xi wħud mill-bennejja tad-dgħajjes kienu jimpurtaw zkuk tar-ruvlu mgħawġa apposta biex jintużaw fil-bini tad-dgħajjes. Biex jikkonvertu dawn iz-zkuk fi twavel kien hemm nies tas-sengħa apposta. Dawn kienu jużaw il-lupa.

BLATAFORMA

Għalkemm din mhix biċċa għodda propja, hija meħtieġa ħafna għall-bini tad-dgħajjes. Din tkun magħmula minn għadd ta’ twavel ta’ l-abjad mwaħħla ma’ xulxin u imbajda bil-ġibs biex tiġi qisa drawing board kbira ħalli fuqha jħożżu d-disinn tal-qoxra sħiħa u minn fuqha jagħmlu l-galvijiet u jiġbru il-qisien kollha meħtieġa fil-bini tad-dgħajsa.

IL-FIXQIJA

Din lanqas ma hi għodda propja. Hija għamla ta’ faxxa ta’ linjam, flessibli, twila tul ta’ tavla u wiesgħa sa madwar erba’ pulzieri u ħoxna kwart ta’ pulzier. Din tintuża biex biha flimkien ma’ l-istaġġola jitfasslu t-twavel ta’ l-għeluq, billi l-ewwel tiddawwar ma’ żaqq il-qoxra fuq l-istamnari u permezz ta’ l-istaġġola tittieħed il-kurva tal-kument rispettiv. Wara titpoġġa fuq it-tavla u bl-istaġġola jiġu trasferiti l-marki li jkunu saru qabel. Kull darba li tkun se tintuża terġa titbajjad bil-ġibs.

L-ISTAĠĠOLA

Din tintuża flimkien mal-fixqija. Hija biċċa għuda xi ħames pulzieri tul, b’erbgħa wisa’ u ħxuna kwart ta’ pulzier. Ras minnhom tkun maqtugħa angolata. Biha, flimkien mal-fixqija, l-imgħallem ikolji u jieħu l-kurvi tat-twavel ta’ l-għeluq.

IT-TAVLOZZA

Din hija biċċa għuda xi tliet piedi tul, erbgħa wisa’ u pulzier ħxuna biex fuqha jinħażżu  t-tastaturi tal-majjieri/stamnari. Fuq jinkiteb in-numru tal-majjiera/stamnara u taħtu jinħażżu t-tastaturi rispettivi.

IL-KUMPASS TA’ L-UŻIN

Dan il-kumpass għandu l-istess għamla ta’ kull kumpass ieħor. Ikun magħmul minn żewġ injamiet ċatti, xi ħames piedi tul u lejn it-truf jidjiequ. Fir-ras tat-truf t’isfel jitwaħħal musmar bla ras u jagħmlulu ponta rqiqa biex tidħol fl-injam. Fejn jingħaqad il-ġog, isir permezz ta’ pern bil-kamin u jintrabat bi skorfina. Il-pern issirlu toqba fiċ-ċentru tiegħu biex minnha tgħaddi lenza li fit-tarf ikollha ċ-ċomb ta’ l-użin. Dan ikun biċċa ħadida għamla ta’ żebbuġa bil-ponta. Dan il-kumpass iservi biex isir dak li ngħidulu użin tad-dgħajsa, jiġifieri tiċċentra d-dgħajsa fil-bidu tal-bini tagħha.

ĊOMB TA’ L-UŻIN / RIEGLA ĊOMB

Għalkemm jissejjah ċomb, fil-att, din hi biċċa għodda tal-ħadid. Din hi biċċa ħadida tonda perfetta u għandha għamla ta’ żebbuġa kbira; n-naħa t’isfel ġejja bil-ponta. Fiha tidħol lenza li minnha tiddendel u isservi biex wieħed jagħmel ix-xoġħol vertikali. Tintuża wkoll mal-kumpass għal użin tal-qoxra.

IL-LUPA

Il-lupa kienet serrieq twil minn sitta sa seba’ piedi u wiesgħa xi għaxar pulzieri fit-tarf ta’ fuq u tlieta fit-tarf l-ieħor, b’maqbad f’kull tarf. Il-maqbad t’isfel kien ta’ l-għuda u jeħel permezz ta’ feles. Dan il-maqbad jissejjaħ box. Biex jisserraw kienu meħtieġa tnejn min-nies. Kienu jużaw strippi ħoxnin u ta’ saħħa, għoljin xi seba’ piedi u jorbtu z-zokk fuqhom. Ġieli flok strippi kienet tintuża għamla ta’ ħofra fl-art (saw pit). L-isserrar kien isir billi l-ewwel jitħajjat iz-zokk b’lenza bil-ġibs jew nora biex jimxu miegħu. Il-prim serrar ikun fu biex jieħu ħsieb il-linja  u sieħbu taħt, u hekk iħaddmu l-lupa ‘l fuq u ‘l isfel.

Il-MUNXAR TAZ-ZEWĠ

Im-munxar taż-żewġ kont issibu f’diversi qisien. Niftakar li fil-ħanut ta’ missieri kien hemm tnejn; wieħed twil tliet piedi, b’xafra ta’ żewġ pulzieri u nofs u l-ieħor twil ħames piedi u nofs, b’xafra ta’ pulzier. Dan il-munxar kien jikkonsisti fi speċi ta’ frejm ta’ l-injam tar-ruvlu u x-xafra stirata fin-nofs. Jissejjaħ taż-żewġ għax kien jitħaddem minn tnejn min-nies, wieħed f’tarf jiġbed u l-ieħor fit-tarf  l-ieħor jimbotta. Dan il-munxar kien jintuża għall-isserrar ta’ injam oħxon.

Il-MUNXAR TAT-TIDWIR

Dan il-munxar hu popolarment magħruf ukoll bħala s-Serrieq ta’ San Ġużepp. Dan jintrama wkoll f’għamla ta’ frejm imma x-xafra flok fin-nofs tkun fuq ġenb wieħed u tkun dejqa. Il-frejm ikun magħmul b’tali mod li f’ġenb minnhom ikun xafra, fin-nofs għuda u fil-ġenb l-ieħor lenza mibruma u stirata li biha jistiraw ix-xafra. L-irjus ikun ta’ l-injam. Fit-truf fejn ikun hemm ix-xafrajkun hemm il-maqbad, għamla ta’ pum kull naħa. Jintuża biex jaqta’ fit-tond – l-aktar majjieri, stamnari, brazzoli u xogħol ieħor fit-tond. Jista’ jaħdem minn raġel wieħed imma minn tnejn ikun wisq aħjar.

IS-SERRIEQ TAT-TIXRIĦ

Serriew normali twil xi tmienja u għoxrin pulzier bil-wejda b’kollox. Ix-xafra wiesgħa xi sitt pulzieri u tidjieq ‘l isfel għal xi żewġ pulzieri u jkollu s-snien kemmxejn kbar. Jintuża biex jisserraw  għat-tul favur il-vina.

IS-SERRIEQ TA’ L-ISTONKJAR

Dan hu serrieq bħal ta’ qablu imma twil xi żewġ piedi u bis-snien iżgħar u ifjen. Jintuża biex jistronkjaw kontra l-vina.

DENB IL-FAR

Għamla ta’ serrieq żgħir b’xafra twila tmien pulzieri u wiesgħa nofs pulzier li tidjieq lejn it-tarf b’maqbad għamla ta’ pum tawwali. Jintuża biex jaqta’ kurvi fiċ-ċokon, l-aktar fuq ġewwa.

Il-LEXXUN

Biċċa għodda tixbaħ lill-imgħażqa bix-xafra ġejja fit-tond. Il-marloċċ tiegħu twil u mgħawweġ u jinħakem b’żewġ idejn. Jintuża biex jitnaqqax injam goff u xogħol ta’ ċertu kobor. Dari kull bennej tad-dgħajjes kien irid ikun jaf jaħdem bil-lexxun.

IL-LEXXUNA

Din il-biċċa għodda tixbaħ lill-lexxun imma iżgħar u tinħakem b’id waħda. Tintuża biex jitnaġar l-injam. Fil-ħanut tax-xogħol kienet tintuża ħafna.

RABOTT ĊATT

Din hi ċana żgħira, xi ħames jew sitt pulzieri bi tlieta, magħmula mill-injam u għandha forma ovali, bl-irjus ċatti u bil-qiegħ tar-ram biex ma jittikielx. Jintuża għall-inċanar tax-xfar tal-majjieri u stamnari.

RABOTT TOND

Din hi ċana bħal ta’ qabilha imma bil-qiegħ nofs tond. Tintuża biex tillixxa x-xfar ta’ ġewwa tal-majjieri, stamnari u kull xogħol ieħor fit-tond.

IL-VARLOPPA

Din hija l-itwal ċana fil-familja taċ-ċwani. Hija twila xi erbgħa u għoxrin pulzier. Tintuża biex jingħataw kumenti dritti u fix-xogħol ta’ arbli u mqadef u kull fejn hu meħtieġ xogħol għad-dritt.

IL-MEZZA

Ċana bħal varloppa imma iżgħar; tkun twila xi tminatx-il pulzier. Tintuża biex twitti uċuh qabel l-irfinar biċ-ċana ta’ l-uppulier.

IĊ-ĊANA TAL-KAVAR

Ċana normali imma bil-bil-qiegħ ġej fit-tond għall-wisa’ tagħha. Tintuża biex tkavi t-twavel tal-għeluq. L-aktar dawk li jaħbtu fil-gorġa. Tkava tfisser tħaffer fit-tond il-vala għat-tul tagħha.

IL-BOQXIEX

Biċċa għodda li tagħmel xogħol biċ-ċana, bix-xafra fin-nofs spuntata minn taħt, b’żewġ imqabad fit-truf. Tintuża biex fejn ma tasalx iċ-ċana, tidħol hi speċjalment għal xogħol fit-tond.

SIKKINA TAT-TQAXXIR

Din hija biċċa għodda magħmula minn xafra, b’maqbad kull tarf, tixbaħ ħafna lill-boqxiex. Tintuża fix-xogħol ta’ l-arbli u ta’ l-imqadef.

PONTAPULIER

Din hija xafra ta’ l-azzar, ċatta u rqiqa, xi ħames pulzieri bi tlieta. Ix-xifer li jaqta’ jiġi misnun b’lima. Imbagħad jinqaleb bid-dahar ta’ skorbja Jintuża biex jillixxa u jirfina l-injam.

IL-MALJU

Mazza ta’ li-injam iebes, aktarx ruvlu jew linju sant, lignum vital. Ir-ras tagħha f’għamla ta’ ċilindru bħal lembuba; imma ġieli fin-nofs, fejn jaħbat fuq l-iskarpel, ikun marbut b’kullarin tal-ħadid biex ir-ras ma tinfetaħx bid-daqqiet. Matul ir-ras ċilindrika, kien ikun hemm żewġ qatgħat dritti, li ma’ l-uzu tal-malju waqt it-tqalfit, jagħmlu ċertu ħoss. Il-manku kien ta’ għamla tonda u kien magħmul tali li jista’ joħroġ mir-ras biex jintrefa’ fil-kaxxa ta’ l-għodda. Ir-ras tal-malju kienet twila xi ħmistax-il pulzier u l-manku xi tmintax. Il-malju jintuża għat-tqalfit ta’ qxur kbar.

IL-MAZZOLA

Mazza ta’ l-injam, l-aktar ta’ l-ulmu b’manku tal-fraxxnu, ta’ qies medju; li tintuża għat-tqalfit ġenerali. Hemm minnhom bir-ras tonda u oħrajn bir-ras kwadra jew ottagonali.

MARMOTTA

Kaxxa magħluqa minn kullimkien, ħlief għall-apertura fil-wiċċ, kemm tidħol id li fiha l-qalfat iżomm l-kobob ta’ l-istoppa biex din tibqa’ niedja u ma tinxifx.

L-ISKARPELL TAT-TQALFIT

Hemm diversi skriepel tat-tqalfit u kull qalfat kien ikollu sett sħiħ. Ġeneralment l-iskriepel tat-tqalfit jissejħu ħadid. Fost dawn l-iskriepel insibu:

ĦADID JAQTA’

Skalpel biex-xifer wiesa’ forma ta’ “V” u jaqta’. Dan jintuża biex fejn il-kumenti jkunu ssikkati ħafna, il-qlfat juża dan l-iskalpel biex jiftaħhom ftit.

PALELLA

Skalpel bix-xifer wiesa’ bla ma jaqta’. Fan jintuża għat-tqalfit ġenerali.

ĦADID KANALI

Skarpell kanali kemm b’waħda kif ukoll bi tnejn. Dan ikollu xifer maqrus ‘l ġewwa, għamla ta’ “V” biex iross l-istoppa. Ta’ bi tnejn ikollu x-xifer maqrus doppju – għamla ta’ “V” doppja – “W”.

ĦADID BUĠARRUN

Dan huwa skarpell mgħawweġ biex bih iqalftu l-kumment ta’ mal-prim u postijiet ristretti oħra.

ĦADID DEJJAQ

Skarpell li jkun dejjaq, jintuża għat-tqalfit ta’ l-irjus tat-twavel ta’ l-għeluq jew l-irjus tal-gverta.

L-ISKALATUR

Għamla ta’ skalpell ċatt bil-ponta rqiqa u mgħawġa li jintuża biex jaqla’ l-istoppa l-qadima minn bejn il-fili.

RATPUNĊ

Għamla ta’ biċċa virga tal-ħadid, fiha xi ħames pulzieri tul u tliet kwarti ħxuna. F’ras minnhom ikollha toqba xi kwat ħxuna. Din il-biċċa għodda tixbaħ ħafna lit-talja takki. Tintuża biex biha idaħħlu r-radanċa fit-tarf tal-musmar biex fuqha jirbattu l-klinċ.

DALI (DOLLY)

Ħadida li biha jilqgħu il-musmar minn barra waqt li jkun  qed jiġi rbattut.

PAPPAGALL

Din hi tnalja speċjali. Tikkonsisti fi speċi ta’ tubu tal-ħadid li fih tidħol virga biex biha jsammru ‘l isfel. Fir-ras ikollha għamla ta’ munqar li jaqbad ras il-musmar li jrid jinqala’. Jintuża biex jaqla msiemer li ma jkunux jistgħu jinqabdu bi tnalja normali.

BERRINA

Għodda żgħira għat-titqib bit-tidwir bl-idejn, b’taqqaba ta’ l-azzar, bil-kamin u b’manku għamla ta’ salib tal-injam. Titħaddem b’id waħda għat-toqob tal-viti u l-imsiemer.

GOLJA PASSATUR

Għodda tal-metall, bħal biċċa virga ċatta, mibruma, qisha garigor bil-ponta rqiqa bħal kamin. Twila madwar tliet piedi u jkollha maqbad tal-injam. Titħaddem b’żewġ idejn u tintuża għat-titqib.

GOLJA TAD-DIFER

Golja qisha żgorbija imma t-tarf ikun magħmul bħal difer. Tkun twila tletin pulzier b’maqbad tal-injam.

DAVIT TAD-DOQQA

Din hija biċċa għodda li tintuża biex tissikka l-injam ma’ xulxin, speċjalment it-twavel tal-għeluq. Tikkonsisti f’biċċa virga kwadra, qisha tliet kwarti ta’ pulzier kwadru u twila minn tlieta sa erba’ piedi. Ikollha tarf minnhom milwi qisu pipa u ġol-biċċa t-twila ikun hemm biċċa ħadida oħra li tkun timxi fiha. Jissikka billi jingħataw daqqiet b’martell fuq in-naħa t’isfel tal-biċċa li timxi.

SKRUN

Biċċa għodda tal-ħadid milwija għamla ta’ “G” b’pern bil-kamin f’tarf biex jissikka u jorbot sod kemm meħtieġ, biex iżomm tajjeb żewġ biċċiet għuda bħal f’morsa. L-aktar biex iżomm tavla ma’ majjiera sakemm tissammar.

TASTATUR

Għodda li biha jinqdew biex jimmarkaw angoli u jżommu l-istess qlib waqt l-inċavar tal-majjieri u stamnari. Jintuża wkoll għal bosta xogħol ieħor fejn jidħlu l-angoli. Jikkonsisti fi speċi ta’ xafra tal-ħadid li tkun tiġri ġo maqbad tal-ħadid jew ta’ l-injam.

IL-BOKS (BOX)

Dan huwa maqbad tal-għuda maħdum apposta biex jitwaħħal waqt ix-xogħol fit-tarf tal-lupa jew serrieq ieħor li jkun se jitħaddem minn tnejn min-nies. Għandu għamla ta’ lembuba imma l-parti tan-nofs tkun kwadra b’xaqq ġo fiha biex jidħol is-serrieq fiha li jiġi ssikkat b’feles apposta.

GĦODDA OĦRA: