Fl-Imnara tal-2011, paġna 163, jidher disinn imsejjaħ ‘Tazza tażŻejt’ fl-artiklu interessanti dwar l-Armar ta’ Barra.   Id-disinn, fil-fatt juri l-hekk magħrufa Tazza tal-Madonna li konna nimlewha nofsha bl-ilma u żżejt fuqu.  Kellha ftila ċkejkna miksija bix-xemgħa magħrufa bħala lumina. Dik it-tazza kienet komuni fid-djar u fil-knejjes.    F’din il-kitba qasira rrid nispjega xi ħaġa dwar it-tazzi tażżejt tal-armar tal-festi.

Kitba ta’ Guido Lanfranco. Dan l-artiklu deher fl-Imnara Vol 10(2012) Nru 1.

Qabel u meta ġew il-Kavallieri f’Malta, d-dawl tal-festi kien bil-fjakkli u torċi biż-żift, xaħmijiet u żjut.   Fi tmiem is-seklu dsatax beda l-elettriku li beda jinfirex ftit ftit lejn l-irħula, imma sas-snin erbgħin tas-seklu għoxrin kien għad baqa’ ftit postijiet f’Malta u Għawdex fejn sar l-aħħar użu tat-tazzi taż-żejt.   Diversi rħula u bliet, fl-aħħar snin tas-seklu dsatax u fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin kien ukoll jintuża ħafna l-gass ta’ l-aċitelena f’xi knejjes, djar u xi armar tal-festi sakemm fl-aħħar infirex sewwa l-elettriku.   Hawn tajjeb naraw x’għodda kienu jużaw meta l-mixgħela kienet għadha ssir bit-tazzi taż-żejt.

IT-TAZZI

Dawn kienu jkunu ta’ xi għaxar ċentimetri għoli.   L-ilwien kienu minn kullma tista’ timmaġina.  Kien hemm tazzi trasparenti u oħrajn opaki u kienu jkunu għal kollox lixxi jew b’xi disinn imqabbeż.   It-tazzi kienu fil-maġġoranza tagħhom kollha bil-qiegħ ċatt, b’ħekk jistgħu jieqfu fuq wiċċ livell, imma kien hawn oħrajn, l-aktar dawk destinati biex jiddendlu f’għamla ta’ linef, li kellhom il-qiegħ fit-tond.   It-tazzi kien hemm bżonn li jorbtuhom tajjeb

kollha tidwir li jiffurmaw disinji dekorattivi, kif ukoll ma’ linef, arkati u għamliet oħra ta’ armar tal-ħadid biex joħolqu disinn kollu mlewwen bit-tazzi taż-żejt mixgħulin.   Biex jorbtuhom fil-post kienu jużaw biċċa passaperla mdawra m’għonq it-tazza u marbuta mad-disinn tal-ħadid.

It-tazzi ma kinux ikunu tal-knisja jew tal-każin imma kienu jinkrew mingħand kuntrattur li kien jimpurtahom bl-eluf u jieħu ħsieb hu bin-nies u l-għodda tiegħu biex jarmahom, jimlihom u jixgħelhom.

Tazzi taż-żejt u żewġ ċimblori bil-ftila. Ritratt tal-awtur.

IĊ-ĊIMBLOR

Iċ-ċimblor kien iżomm il-ftila wieqfa fit-tazza taż-żejt.   Dan kien ikun magħmul minn xi biċċa landa mibruma qisha bokkin jew ċilindru b’tarf minnhom maqtugh biex jinfetaħ fi tliet friegħi li jitgħawġu ’l barra u jiffurmaw bħal tliet saqajn biex iċ-ċilindu jista’ jieqaf fit-tazza.   Idaħħlu ftila fih u b’hekk wara li jitqieghed ftit żejt fit-tazza, kien ikun lest biex jixgħeluh.   Il-ftila ma kinetx speċjali u setgħet tkun magħmula minn kull tip ta’ lazz tal-għazel jew spag mill-ixkejjer.

IL-KANNA TAŻ-ŻEJT

Din kien jaħdima l-landier f’għamla ta’ stanjata li kienu jgħidulha kanna taż-żejt.   Il-kelma kanna kienu jużawha wkoll għall-landa tal-ilma li fiha kienu jimlew mill-pompa tat-triq.   Din il-landa taż-żejt tkun bil-għatu, imżaqqa, biż-żennuna twila u b’maqbad fuq wara.   Importanti kien ukoll ganċ fuq nett f’ġenb minnhom biex il-landa tista’ tiddendel mas-sellum meta l-ħaddiem li jkun qed jimla  jkollu bżonn juża jdejh it-tnejn fuq it-tazzi.   Għalkemm kienu jużaw is-sellum biex jimlew it-tazzi, kien hemm irġiel li  jiddendlu bil-ħbula mal-faċċata tal-knisja u saħansitra jitbandlu minn post għall-ieħor.

Landa jew Kanna taż-Żejt. Ritratt tal-awtur.

IL-LANDA TAL-MIĊĊA

Wara li jimlew it-tazzi sa nofshom biż-żejt, ikun imiss li jixgħelu l-ftila taċ-ċimblor.  Għal dan ix-xogħol kellhom għodda apposta mill-aktar kurjuża.   Għandek mnejn taħseb li biex tixgħel il-ftila trid miċċa bħalma kien ikollu s-sagristan biex jixgħel ix-xema’;  imma għaċ-ċimblor ix-xogħol kien wisq differenti.    Ikollhom landa għamla konika, bil-qiegħ tond  u bil-ponta fuq nett.   Din il-landa jkollha żennuna dejqa, ttundjata u twila, manku fil-ġenb (mhux fuq wara) u toqba fuq wara tingħalaq bit-tapp li minnha tista’ timliha bil-pitrolju.   Fiż-żennuna jkollha ftila.   Dak li jixgħel il-ftejjel, l-ewwel jixgħel il-ftila taż-żennuna li tkun ixxarbet bil-potrolju u jibda jqattar il-pitrolju fuq iċ-ċimblor.   Il-pitrolu jinżel mixgħul bin-nar, qisu vampa ċkejkna u b’hekk dak ir-raġel li jixgħel ma kienx ikollu għalfejn imiss iż-żennuna mal-ftila taċ-ċimblor;  taqa’ qatra pitrolju bin-nar miegħu u l-ftila tat-tazza tixgħel.     Bħal min kien iferra’ ż-żejt fit-tazzi, dak li jixgħelhom kien spiss ukoll jitbandal bil-ħabel biex jixgħel il-faċċata tal-knisja.

Il-Landa tal-Miċċa. Ritratt tal-Awtur.