1. Żjara ta’ kondoljanzi li kienet issir għand min ikun għadu kemm mietlu xi ħadd tal-familja.   2. Skont A. de S. l-għażwa kien l-ikel li tradizzjonalment wieħed jibgħat jew jieħu hu stess lill-qarib jew qraba tal-mejjet waqt żmien ta’ luttu. Norm. l-għażwa kienet tikkonsisti f’ross mgħolli. Biss, skont Cassar Pullicino, l-GĦAŻA kienet l-ikel li kien jittiekel mill-familja tal-mejjet fl-ewwel tlitt ijiem, bħala sinjal ta’ luttu. Bħala rispett u sinjal ta’ luttu, il-familjari tal-mejjet la setgħu jixegħlu dawl fid-dar, u lanqas nar biex isajru l-ikel, u għaldaqstant kienu jieklu ikel ta’ bla tisjir. 3. Espr. ta’ dwejjaq li tipparaguna sitwazzjoni monotona għall-aħħar bħal meta wieħed jattendi funeral jew ikun qiegħed fi stat ta’ vistu. Kont tisma’ lil min jgħid: ‘X’għażwa, ħej!’ Idjomi li kienu jingħadu b’mod negattiv kienu: ‘Narra jagħtik għaża!’; ‘Għaża fik!’; ‘Għażwa għalik!’  FTIET TAL-GĦAŻA  Biċċiet tal-ħobż midluk biż-żejt tewm u tursin li kien jittiekel minn dawk li kienu jkunu bil-vistu b’rispett lejn mejtin tagħhom. Sors: ‘Cibi Antichi di Malta’, Ġ. Cassar Pullicino, Melita Historica, 1961. Damma; E.S.I.; Times of Malta, Novembru 2015, p. 3.