(pl. għerieneq) Is. xj. Grus grus. Tip ta’ għasfur li jissejjaħ ukoll grawwa jew gruwa. Ismijiet oħra bil-Malti huma: ajrun u gru. Ing. Common crane. Dan l-għasfur jidher f’Malta ġen. fil-ħarifa. Il-figura tal-għarnuq iżomm ċagħqa f’dufrejh tidher fuq il-gardjola li hemm fil-Ponta tal-Isla. Dan għaliex l-għarnuq kien ikkunsidrat bħala simbolu tal-għassa, bħal ma huma l-widna u l-għajn, li hemm skolpiti fuq l-istess gardjola. L-għarnuq jissemma minn Aristotile, li jirrimarka li l-għerieneq meta jorqdu miġburin flimkien, biex jorqdu b’serħan il-moħħ, kienu jħallu wieħed minnhom għassa. L-għasfur għassies fosthom kien iżomm ċaqgħa żgħira bejn dufrejh, biex jekk jibda jongħos, il-ġebla taqgħalu minn dufrejh u dan l-għasfur iqum, pront pront jiġbor iċ-ċaqgħa u jerġa’ jkompli jagħmel l-għassa. Ta’ min isemmi li l-għarnuq jissemma wkoll fil-ħrejjef ta’ Esopu, fi storja msejħa l-‘Volpi u l-Għarnuq’. Ara: L-Għasafar ta’ Malta ta’ Joe Sultana (2003).