Toponomi b’xi Storja jew Raġuni Warajhom.

Fl-antik, in-nies kienu iżjed magħrufin b’ laqamhom milli b’kunjomhom. Jekk kien jinħtieġlek tfittex lil xi ħadd, kien eħfef li ssibu jekk tistaqsi għalih b’laqmu. Dan jgħodd ukoll għal ċerti nħawi jew toroq ta’ ħafna mill-irħula u l-ibliet tagħna. Il-Birgu mhux xi eċċezjoni.  Ħafna minn inħawi jew triqatu tlibbsu toponomi li ġejjin kemm minn żminijiet ilu kif ukoll oħrajn mhux daqstant antiki. Billi ħafna minnhom qajla għadek tismagħhom, inħoss li jkun xieraq li, biex ma jintilfux, infakkru kif konna, u aktarx għadna, nirreferu għal diversi nħawi aħna, il-ġenerazzjoni ta’ wara l-gwerra. Uħud minnhom konna ħloqnihom aħna.  Oħrajn konna nisimgħuhom mingħand dawk ta’ qabilna.

Kitba ta’ Anton Attard. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara  Vol10(2012)  Nru. 1

Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li jiġu l-Birgu kienu jaslu b’ tal-Linja f’dik il-wesgħa li ftit ’il fuq minnha, illum hemm l-Uffiċini tal-Kunsill Lokali. Daż-żmien, din  ix-xaqliba hi aktar magħrufa bħala Couvre Port. Mhux hekk kienet sa ftit  taż-żmien ilu. Għalina, hawn kien Fejn Sabu s-Sinjur. Ingħata dan it-toponomu għax hawn, moħbi f’toqba fis-sur, kien instab il-pissidi bl-ostji kkonsagrati, li kien insteraq mill-Knisja ta’ Santa Tereża, li qiegħda ftit metri ’l bogħod.

Bejn l-ewwel bieb u t-tieni wieħed fi dħul il-Birgu, tgħaddi minn fuq pont li taħtu hemm dak li llum issejjah Ġnien il-Kunsill. Man-nies ta’ din il-belt aktar hu magħruf bħala Il-Foss. Għalina t-tfal ta’ wara l-gwerra kien il- Foss il-Kbir biex nagħżluh  minn dak ħafna iżgħar li hemm taħt it-Torri ta’ San Ġakbu, li konna nsibuh bħala l-Foss iż-Żgħir. Fi dħul din il-belt, tiġi fi Triq il-Mina l-Kbira. Iżda mal-biċċa l-kbira tan-nies, din it-triq aktar hi magħrufa bħala t-Triq tal-Lunzjata. Dan għax f’nofsha hemm il-knisja ddedikata lill-Madonna b’dan it-titlu.

It-toroq ta’ wara l-Knisja tal-Lunzjata huma magħrufin bħala l-Imġarraf. Ilhom magħrufin hekk mal-200 sena, wara li fl-1806 splodiet porvlista li kien hemm fil-qrib u ħafna mid-djar ta’ din ix-xaqliba spiċċaw borġ ġebel. Meta din ix-xaqliba nbniet mill-ġdid, Triq l-Irlandizi  (illum  Triq Wenzu  Dyer) kienu jsibuha bħala t-Triq ta’ Żwejta. Jista jkun li hawn kienet toqgħod xi waħda b’dan il-laqam.

It-triq fuq il-lemin kif tidħol il-Birgu, li uffiċjalment hi Triq it-Torri ta’ San Ġwann, isibuha bħala  Is-Sur tal-Kurdari.  Baqgħet hekk għax fl-antik, billi hi triq twila, wiesgħa u dritta, kienet addattata ħafna biex fiha jinħadmu l-ħbula mill-ħafna kurdari tas-sengħa li kien hawn f’din il-belt.

 

Is-Sur tal-Kurdari.

Ftit aktar ‘l isfel, quddiem il-Knisja tal-Lunzjata, hemm Triq il-Palazz tal-Isqof. Mat-tfal tal-iskola ta’ qrib 65 sena ilu, billi l-palazz kien l-iskola elementari tal-gvern għall-ewwel klassijiet tal-primarja, il-parti ta’ fuq konna nsibuha bħala Ħdejn l-Iskola ż-Żgħira.

Minn hawn tiġi fi Triq l-Arċisqof Gonzi. Qabel issemmiet hekk, kienet Triq Biswit il-Kwartier. Iżda ħadd ma kien isibha hekk. Din in-naħa għadhom  sallum isibuha bħala  Ħdejn l-Armerija, għax f’din it-triq hawn l-armerija ta’ żmien l-Ordni ta’ San Ġwann. Il-parti t’isfel ta’ din it-triq, tispiċċa fi Triq Paċifku Scicluna. Din il-kantuniera konna nsibuha bħala Ħdejn id-Diana, billi hawn kien hawn id-Diana Cinema.

Dik li ’llum hi Triq Paċifiku Scicluna, snin ilu kienet issemmiet uffiċjalment Triq il-Ġdida. Minkejja dan, in-nies xorta waħda baqgħet issibha bħala It-Triq ta’ Falzuna. Iżda wara li  fid-dar, li ’llum saret restaurant, Karmenu Mifsud u wliedu mlaqqmin tal-Petut, fetħu fiha  ħanut tal-merċa u ħaxix giet magħrufha bħala It-Triq tal-Petut..

Triq tmiss magħha, Triq il-Majjistral, fi tfuliti, ukoll konna laqqamnieha għal ħanut tal-merċa li, kien fost l-ewlenin li fetħu hawn fi tmiem il-gwerra. Kien ta’ Kamillu Mifsud, raġel dħuli ħafna, li kellu klijentiela mdaqqsa. Għan-nies ta’ dawk is-snin, din kienet It-Triq ta’ Kamillu.

Minn ħdejn il-ħanut imsemmi kont toqrob lejn Strada Brittanica, kif kienet magħrufa snin ilu. Illum saret Triq Hilda Tabone. Daż-żewġ toroq li għadna kif semmejna u dawk li jmissu magħhom, illum insibuhom bħala l-Collacchio. Snin ilu, Triq Hilda Tabone. kulħadd kien isibha bħala It-Triq tal-Iskola Dan għax, daqs mitt sena ilu, il-Berġa ta’ Franza kienet skola. Iżda wara li din il-berġa  għaddiet għand Lorenzo Zammit magħruf bħala in-naru, disinjatur u mastrudaxxa mill-aqwa. Dan kien għamilha waħda mill-aktar fabbriki tal-għamara l-aktar magħrufin f’Malta, bdew isibuha bħala  It-Triq tan-Naru.

Meta kont timxi tul din it-triq u tikser fuq ix-xellug tiġi f’wesgħa uffiċjalment imsejħa Triq il-Foss. Iżda mal-Vittoriosani ta’ snin ilu, din in-naħa aktar kienet magħrufa bħala Ħdejn is-Suq tal-Ħut. jew Ħdejn ir-Rukkella. Tal-ewwel minħabba li qabel kien hemm suq fejn kienu jbiegħu l-ħut, li llum spiċċa garaxxijiet, u l-oħra għax fl-istess wesgħa hemm l-apartamenti magħrufa b’dan l-isem.

Jekk tittawwal ’l isfel minn fuq il-Posta ta’ Allemanja, li tibda minn wara l-garaxxijiet imsemmija, tara l-Posta ta’ Kastilja. Qabel inbniet it-triq li għaqqdet ix-Xewkija max-Xatt ta’ San Lawrenz, taħt din il-Posta kien hemm roqgħa żgħira iffurmata minn blat tal-franka bi xtajta żgħira magħha. Kien minn dan il-blat bajdani li ħadet isimha x-xtajta u magħha l-Posta ta’ Kastilja. Konna nsibuhom bħala il-Blata. Kemm lil waħda u kemm  l-oħra dan it-toponom kien jixirqilhom. Għax waħda ffurmata minn blat f’wiċċ il-baħar u l-blat taħt is-swar tal-oħra ħadu kenn ħafna min-nies li baqgħu l-Birgu fi żmien il-gwerra.

Is-Sur Tal-Kurdara

Jekk minflok ksirt lejn is-suq tal-ħut, ksirt fuq il-lemin, f’nofs Triq il-Kwartier hemm triq dejqa msemmija Triq Telgħat il-Foss. Sa qabel il-gwerra, ma ħafna nies, billi l-art kienet miksija bis-siment din it-triq kienu jsibuha bħala t-triq tas-siment..  Almenu, hekk kienu jirreferu għaliha żijieti, li għamlu xi żmien joqogħdu hemm.

Jekk  inkomplu mixjin tul is-swar lejn Kastell Sant Anġlu, qabel naslu taħt il-Monasteru tas-Sorijiet Benedittini u l-imħażen li hemm taħtu, ‘l isfel fuq ix-xellug, naraw appartamenti ġodda li nbnew daqs 40 sena ilu. Dawn ħadu post griebeġ f’toroq mill-idjeq fejn kienu jgħixu l-biċċa l-kbira tal-barklori Vittoriosani. Hemm isfel kien hemm ix-xaqliba magħrufa bħala il-Mandraġġ. Hawn baqa’ magħruf hekk, għax qabel inbena s-sur li hemm quddiemu, kien kalanka fejn kienu jiddaħħlu għall-kenn l-iskejjen u d-dgħajjes tas-sajjieda. Ftit passi oħra ’l ġewwa, ma ngħidux li wasalna fi Triq il-Miratur, kif uffiċjalment hi. Għalina n-nies tal-Birgu nkunu wasalna fuq Is-sur tat-Toqba, jew Ħdejn Blataforma. Din tal-aħħar ħaditu minn pjattaforma tħares lejn il-Port il-Kbir, li hemm f’din il-wesgħa, iffurmata b’ċangaturi taż-żonqor li, li titla’ għaliha b’ żewġ tarġiet.  Tal-ewwel ħaditu, għax meta ninżlu t-taraġ għal ħdejn il-baħar, ma nkunux ġejna fl-Infirmary Sally Port, kif issemmiet uffiċjalment mill-Ingliżi, imma ngħidu li nżilna t-Toqba l-Qadima. Saret magħrufa hekk, għax fi żmien l-Ordni kienu fetħu bieb fis-sur, biex il-feruti jew morda jaslu aktar malajr fl-infermerija meta jġibuhom bil-baħar milli fuq l-art.

Snin ilu, ma kontx tista’ tkompli miexi aktar ’il ġewwa, għax ma kienx hemm it-triq li hemm illum. Qabel, biex taqsam lejn fejn illum hemm l-imħażen tar-Regatta, kienet xtajta maqtugħha għaliha. Kont tinżel għaliha, kif għadek tista ’llum ukoll, minn taraġ u bieb żgħir li nfetah fis-sur. Billi dan il-bieb kien infetah wara dak tat- Toqba l-Qadima, din ix-xtajta laqqmuha t-Toqba l-Ġdida.

t-Toqba l-ġdida.F’dawn in-naħat niltaqgħu ma’ toponomi interessanti ħafna li, tista’ tgħid, sa ftit żmien ilu, kienu fuq fomm kulħadd. Triq Santa Skolastika, għadha sallum magħrufa iktar bħala t-triq tal-Abatija. Żewġ sqaqien f’din it-triq kienu sabulhom laqam ukoll. Dak li jwassal għal Triq La Valette kienu jsibuh bħala Iż-Żenqa u l-ieħor faċċata tiegħu, It-Taraġ tat-Taljan. Forsi, fl-antik, hemm kien joqgħod xi Taljan.

Aktar ’il ġewwa, hemm ix-xaqliba, li fl-antik kienu jsibuha Tal-Pjazzetta. Dan għax sa daqs 40 sena ilu, qabel saret triq lejn Sant’ Anġlu, kien hemm pjazza żgħira, li fl-antik kienet imfittxija ħafna min-nies, biex insejħulhom hekk, komuni.  Dan, għax il-pjazza tal-lum, fl-antik, kienet frekwentata biss min-nies ta’ ċerta klassi. Il-Pjazzetta kienet fejn jiltaqgħu Triq il-Palazz tal-Gvernatur, Triq Sant’ Anton u Triq il-Ħabs l-Antik. ‘Il fuq minn din it-triq, it-tfal ta’ qabel il-gwerra kienu jgħidu li se jmorru jilagħbu ħdejn Fuq il-Fosos. Dan għax f’tarf it-triq, faċċata ta’ Sant’ Anġlu kien hemm ftit fosos għall-ħażna tal-qamħ.

Aktar ‘l isfel,  fi Triq San Lawrenz, kien hemm żewġ toponomi li ‘llum intesew għal kollox. Fejn tispiċċa t-triq, l-antiki kienu jsibuh bħala Il-Ballet. Hawn, kien hawn il-Berġa tal-Italja u, qrib tagħha kien hemm speċi ta’ pjattaforma, fejn il-kavallieri Taljani kienu jorganizzaw il-ballijiet u xi reċti. Hemm min jgħid, li jiem il-karnival jafu l-bidu tagħhom f’din ix-xaqliba. Minn taħt il-ballet, fi triqtek lejn Kastell Sant’ Anġlu, kont tinżel fi xtajta magħrufa bħala Ix-Xatt tan-Nazzarenu. Saret hekk għax qribha kien hemm niċċa bi xbieha ta’ Ġesu Nazzarenu. Parti mill-istess triq u l-viċinanzi isibuhom bħala Ħdejn tal-Karmnu. Issejħu hekk minħabba niċċa bi statwa artistika u knisja li hemm fil-qrib iddedikata lill-Madonna taħt dan it-titlu. L-istess ix-xatt li hemm taħt il-knisja. Kienu jsibuh bħala x-Xatt tal-Karmnu. Biex minn hawn tasal il- Pjazza, trid  tgħaddi min-naħa tat-triq ta’ Lhud. Din it-triq u madwarha, li ġġarrfu fil-gwerra, kienu magħrufin hekk għax, sekli ilu, hemm kienet tgħammar u kellha s-sinagoga tagħha l-komunita’ Lhudija mdaqqsa li kien hawn f’din il-belt.  Illum, fejn kien hemm it-Triq ta’ Lhud  saret tagħmel parti mix-xaqliba magħrufa, sa mis-seklu sbatax, bħala fuq San Filippu. Dan, għax xi qassisin tal-Kongregazjoni ta’ San Filippu kellhom il-kunvent tagħhom ħdejn knisja antika li, għalkemm iddedikata lill Santa Marija tal-Anġli, saret magħufa bħala ta’ San Filippu. Aktar tard, it-triq li dawn qegħdin fiha issemmiet uffiċjalment hekk ukoll.

F’din ix-xaqliba niltaqgħu ma’  toponom  ġdid. Il-belvedere li ssawwar fuq il-garaxxijiet faċċata tal-Port, malajr tlaqqam. Qed jissejjah Fuq is-Simenta. Waħda mit-triqat li jisbukkaw fil-Pjazza hemm Triq Desain. Mal-antiki din it-triq aktar kienet magħrufa bħala Id-Daħla. Dan għax sa qabel il-gwerra, kienet triq  wiesgħa qasira li ma twasslek imkien.

Fil-konfini ’l barra mis-swar ukoll hemm toponomi li jfakkru fl-imgħoddi ta’ din il-belt. Kif toħroġ mill-mina magħrufa bħala tal-Kapuċċini, fuq il-lemin hemm il-ground magħruf bħala il-Fortini. Sar hekk wara li jmiss miegħu ir-Reġiment tar-Royal Engineers kellu xi barrakki u uffiċini. Faċċata tiegħu, fejn inbniet l-iskola Lorenzo Gafa’, kien magħruf minn dejjem bħala il-Prexxa. Dan għax jingħad li fl-Assedju l-Kbir, kien hawn li t-Torok għamlu fetħa fis-swar (breccia) biex irnexxielhom jidħlu fil-Birgu. Illum, f’din ir-roqgħa inbniet l-iskola Lorenzo Gafa’.

Ma’ ġemb l-iskola tibda t-telgħa ta’ Triq San Dwardu, li minnha tasal qrib Ħaż-Żabbar. Il-mixja tul din it-triq sax-Xgħajra ta’ Bormla lejn iċ-ċentru tal-Birgu hi magħrufa bħala d-Dawra tal-Isptar. Ir-raġuni hija li sa qrib il-bidu ta-seklu għoxrin, il-Kulleġġ St. Edward’s kien sptar militari Iżda qabel tagħmel din il-mixja u taqsam in-naħa l-oħra tat-triq, tiġi ħdejn ċint baxx li kienu jsibuh bħala Bank il-Għażż. Ir-raġuni għal dan kienet li bilqiegħda fuqu u madwaru kienu jiltaqgħu u jgħaddu l-ħin irġiel imdaħħlin fiż-żmien u oħrajn bla xogħol mill-Birgu u minn inħawi qrib. Rari kont tgħaddi minn hemm li ma ssibx il-klikka tas-soltu ilabalbu u jitmassħnu fuq kull suġġett immaġinabbli.

Tul din il-mixja, trid tgħaddi minn quddiem iċ-~imiterju ta’ San Lawrenz li warajh hemm is-sur ta’ San Luigi. Dan is-sur isibuh bħala s-Sur ta’ Pażan. Dan għax wieħed imlaqqam Pażan, kien jgħarrex minn hawn, biex jara x’bastiment ikun qorob biex jidħol fil-port. Dan kien iwassal l-aħbar lill-familjari tal-baħrin, bit-tama li bil-ferħa jnewlulu xi ħabbtejn.

Ftit ’il fuq mis-sur,  hemm ix-xaqliba tal-Ħawli. Jingħad li qabel tela’ l-bini tallum, hemm kien għelieqi ta’ Żabbari mlaqqam il-ħawli. Jista’ jkun ukoll li kien post ideali biex fix-xaqliba jitħawlu siġar tal-frott u l-ħaxix li faċli jissaqqew mill-ilma ġieri fil-wied li jġib l-istess isem.

Fuq in-naħa l-oħra, ma tistax ma’ tarax  il-Bieb Notre Dame. Iżda ftit isibuh hekk. Aktar magħruf bħala Bieb Is-Sultan. Fuqu fil-għoli hemm bust tal-Granmastru Cottoner. Trid tiftakar li mal-Maltin il-Granmastru kien magħruf bħala s-Sultan. Għalhekk mill-bust ta’ fuqu dan il-bieb ħa ismu fi lsien il-poplu.

Biex terġa tidħol il-Birgu minn fejn bdejt il-mixja tad-dawra tal-isptar, tgħaddi mill-pjazza wiesgħa,  illum fil-konfini ta’ Bormla, magħrufa bħala ix-Xgħajra. Iżda qabel taqbad in-niżla lejn il-Fortini, sa daqs sittin sena ilu, qabel ma twaqqgħet biex twessgħet it-triq,  kont trid tgħaddi minn taħt il-Mina ta’ Santa Margerita, li mhux magħruf għaliex, kienu jsejħulha IlMina tal-Qassatat.

Aktar ’l isfel fuq il-lemin hemm għolja tħaddar li tispiċċa ħdejn il-Kulleġġ De La Salle. Din tissejjaħ ir-Rampa. ’L isfel minnha, inbniet l-Iskola Santu Rokku. Qabilha kien hemm ċimiterju ddedikat lill-istess qaddis fejn kienu jindifnu dawk li jmutu bil-mard tal-pesta u l-kolera. Għal dir-raġuni, dawn l-inħawi kienu magħrufin bħala l-Infetti

 Għadd minn dawn it-toponomi qajla għadek tismagħhom mit-tfal u ż-żgħażagħ tal-lum. Iżda jkun xieraq li ma jintesewx. Dan,  għax kif rajna, ħafna minnhom huma marbutin ma ġrajjiet li għaddiet minnhom din il-belt, li kif jingħad, kull kantuniera tagħha għandha xi storja x’ tirrakkonta.