jew Għanbra:

Għelk tas-siġar iffossilizzat fil-milja ta’ miljuni ta’ snin, u li biż-żmien jindifen f’sediment tafli ta’ qrib il-baħar. L-eta’ ta’ bosta mill-biċċiet ta’ għanbra li jinsabu huma ta’ madwar 40 miljun sena. L-għambra tinstab f’diversi partijiet tad-dinja, għalkemm hi assoċjata l-aktar mal-pajjiżi Baltiċi u l-kosta tat-Tramuntana tal-Ġermanja. L-għambra tista’ tinsab fuq ix-xtut ta’ dawn iż-żona jew inkella f’minjieri fi blat li jmur lura sa żmien il-Kretaċju. Minħabba li din il-fossila għandha xeħta trasluċida, bħal kulur il-għasel imdardar, kultant wieħed jista’ jilmaħ fiha frammenti ta’ pjanti jew insetti sħaħ li jkunu nqabdu meta l-għelk ikun għadu fluwidu. Hemm eż. ta’ dan fis-sezzjoni tal-ġeoloġija fil-Mużew tal-Istorja Naturali fl-Imdina. Matul is-sekli l-għanbra baqgħet tintlibes bħala ornament personali, l-aktar fuq iċ-ċrieket, kullani u gamew. Xogħol ta’ dekorazzjoni bl-għanbra jidher ukoll fuq relikwarji f’bosta knejjes. Jinħadmu wkoll bokkini tal-għanbra li jintużaw għat-tipjip tas-sigaretti.