Din hi l-għajn tinsab fil-post  magħruf bħala Tal-Veċċa, San Pawl il-Baħar. L-għajn hi ddekorata b’mod prominenti, għax barra li għandha statwa żgħira ta’ San Pawl fuqha, hemm ukoll l-arma tal-Gran Mastru Vilhena (1722 – 1736). Taħt l-istatwa hemm skrizzjoni bil-Latin li tmur lura sal-1725, jiġifieri sa żmien il-Gran Mastru Vilhena. Ħafna jaħsbu li l-isem Għajn Rasul ifisser l-Għajn tal-Appostlu San Pawl, minħabba li Rasul hi kelma Għarbija li tfisser messaġġier (f’dal-każ rif. għal San Pawl bħala l-messaġġier t’Alla). Il-verità x’aktarx hi mod ieħor. Rażul jew Rażun seta’ kien isem tal-proprjetarju ta’ xi għelieqi fl-inħawi, dak li kien jagħmel użu minn dik in-nixxiegħa tal-ilma. Jista’ jkun ukoll li li l-pronunzja tal-konsonant ‘r’ inbidlet mir-rgħajn. F’dan il-każ, rgħażul tfisser ħasil, kelma li l-għerq tagħha ġej minn لسغ (rgħasel) li tfisser ħasel. Dan it-toponimu mela seta’ kien jirriferi għal ‘l-għajn tal-ħasselin’.  Din l-għajn kienet irrestawrata darbtejn minn Din l-Art Ħelwa, l-ewwel darba fl-1989, u t-tieni darba fl-2009.