Għajn Ħadid hu rdum li jinsab ‘il ġewwa mill-Palazz-Kastell ta’ Selmun fuq ix-xellug tal-fortizza Campbell.
Għalkemm ma jidher li għandu xejn mhux tas-soltu ma’ l-ewwel daqqa t’għajn li ttih, il-binja mġarrfa tal-qrib u l-kamra ta’ l-għassa, qadima u nofsha mwaqqgħa, li jittarfu fl-irdum bejn xquq kbar fl-art li ddewwed bis-sagħtar u kappar u bi plejju jgħaxxi li jġebbed rasu ‘l fuq mill-qiegħ tax-xquq, jagħmlu lil Għajn Ħadid xi ħaġa aktar minn irdum ieħor. Għalkemm imżejjen bi blat goff u bla ħniena bħal xuxa mgħaqqda u mħabbla tperper bla ħeġġa fir-riħ, l-irdum ta’ Għajn Ħadid itawwal għonqu u jilmaħ mhux biss ‘l Għawdex, lil Kemmuna u ‘l Aħrax tal-Mellieħa bid-daħla wiesgħa ta’ l-Għadira, iżda saħansitra ‘l Għolja ta’ Rdum il-Bies, lill-Kalkara, jew kif jafuh ħafna llum-il-ġurnata x-Xemxija, n-naħa ta’ fuq, ‘l San Pawl-il-Baħar u ‘l Baħar iċ-Ċagħaq u lil hinn minnhom.

 
Għalkemm id-dehra ta’ fuq ir-riħ hi mfewwħa u msebbħa b’raba’ li jħaddar fuq naħa u mperrċa u mberrħa bi blat griż u għeri fuq naħa oħra bħal inħawi oħra mbiegħda ta’ Artna, l-irdum għandu dik ix-xi ħaġa żejda li jien ma nafx x’inhi iżda nifhem u nħoss bħal ma jifhmu u jħossu dawk li jmorru jgawdu l-ġmiel tan-natura ‘l hemmhekk li timlieh b’seher ta’ sliem, ta’ ġrajja, ta’ tifkira bħall-bqija kollha kemm hi ta’ Selmun u l-inħawi.

 
Ftit bgħod mit-torri, tintlemaħ mill-ewwel Fort Campbell, mibnija mill-Ingliżi biex tgħasses u tiġġieled hi wkoll kontra l-għadu Ġermaniż. U fil-quċċata ta’ l-għolja qrib tilmaħ il-kastell pittoresk ta’ Selmun. Taħt ir-riħ ta’ rdum, ‘l hinn isfel taħt it-Taqtigħat, hemm il-kmamar ta’ l-għassa li kienu wkoll bnew l-Ingliżi biex jilqgħu u jgħassu lil Ġermaniżi. Bħal dawn il-kmamr insibu ħafna lejn Selmun, nsibu lejn l-Imġiebaħ, lejn il-Blata, lejn irdum il-Bies. U tifhem mill-ewwel il-ħtieġa li kellu Selmun mal-milja tas-snin biex igħasses u jilqa’ x-xtut ta’ gżiritna mill-attakki għal għarrieda ta’ l-għadu li matul ġrajjiet Artna ried jew jeqridna jew jaħkimna flok ħaddieħor.

 
Hekk kif ħarstek tinfirex quddiemek minn fuq l-għoli t’Għajn Ħadid ma tistax ma żżommx in-nifs bid-dehra sabiħa w miftuħa t’hemm fuq. Fil-bogħod tilmaħ xefaq irqiq irqiq li jislet bħal xafra l-ikħal tal-baħar minn-nir tas-smewwiet fis-sajf. Jew tilmaħ baħar lewn ħadrani, mċafċaf u mgħaddab kollu ragħwa, jitħallat mas-sħab griż lewn iċ-ċomb fl-eqqel tal-Grigal…

 
Sħaba bajda, kbira u mdaqqsa ġmielha, titliegħeb mar-raġġi jaħarqu tax-xemx qalila u titlaq dellha wensi fuq Għawdex u Kemmuna. U hi u tilgħab – tinfetaħ u togħla, titwalu tingħalaq mal-ħakma għażżiena ta’ l-irjiħat reqdin t’hemm fuq – dellha jgħatti l-kastell ta’ Santa Marija ta’ Kemmuna u jerġa jikxfu minnufih…. Mbagħad tarah ġej lid-dell, ħafif donnu tajjar transparenti, jaqsam għal fuq l-Aħrax tal-Mellieħa u l-wesgħa tad-daħla ta’ l-Għadira, u donnu jieqaf jistrieħ fuq il-qala ta’ l-Imġiebaħ taħt it-riħ ta’ Rdum Għajn Ħadid.

 
Għall-blat li tqaċċat matul is-snin twal u twal li għaddew u għall-fdal tat-torri mġarraf fil-quċċata ta’ irdum, il-qilla tax-xemx ma tiswa xejn. Ma jħossuhiex. U s-sħaba tkarkar dellha minn fuqhom bilġriu int tara għaddejjinminn fuqek foromli jinbidlu f’għamliet strambi. U xħin ħarstek tintelaq ‘l isfel u tilmaġħ l-għoli ta’ l-irdum u blat imfellel, xħin tilmaħ il-baħar aħdar u iswed u ikħal ta’ l-Imġiebaħ taħtek u s-sikek griżi jgħumu qalb mewġiet bla saħħa li għejew jittantaw joborxuhom u jgħarrquhom, tħossok qiegħed fil-għoli ħafna, tħossok bħallikieku trid ittawwal dirgħajk tilħaq is-sħaba u tmissha w twaqqafha…
U titlaq tiġri ddur mal-kamra ta’ l-Għassa tax-Xtajta fil-qrib u tibqa’ tiela’ minn fuq braġ ta’ ġebel sa ma tasal fuq it-torri mġarraf. U tara minnufih il-Kastell ta’ Selmun, bil-lewn griż u ħamrani tiegħu, tarah donnu niebet minn ġox-xagħri, donnu niebet minn ġol-blat bħall-ħaxix, bħas-sagħtar… u madwaru, donnha mistoħbija warajh, il-lukanda il-ġdida, u taħt ir-riħ tiegħu l-qatgħat fejn kienu jderru, il-qiegħa… Illum m’hemmx iżjed il-bidwi bil-luħ, illum m’hemmx iżjed ir-ragħaj bil-merħla tiegħu, lanqas il-karettun għaddej kemmkemm jitħarrek mgħobbi lejn irt-razzett. Illum il-Kastell iħares ‘il quddiem lejn triq ġdida, lejn triq aktar wiesgħa li tieħu hi wkoll lejn il-ġdid ta’ Artna.

 
Minn fuq it-torri t’Għajn Ħadid tista tilmaħ is-salini tal-melħ u n-naħa ta’ fuq tagħhom il-fortizza Campbell u l-Blata. Is-sħaba tibqa’ sejra, tinqasam, tingħaqad, tiċċaqlaq b’dellha għal fuq il-Gżira ta’ San Pawl bl-istatwa fuqha, mbagħad tibqa’ sejra, taqsam id-daħla ta’ San Pawl-il-Baħar għal fuq it—torri tal-Qawra, lejn l-Għallis, lejn Qalet Marku… u tintilef, issir duħħan ħafif li qatt ma kien, u tinħall, tisfa’ fix-xejn ix-xejn…

 
Madwarek it-torri mġarraf u inti u tħares lejn dak li għad baqa’ u tara l-ġebel għadu jipprova jifred lil ta’ ħdejh. Issa t-tikħil waqa’, il-ġebla tħammġet. Iżda għalkemm il-ħitan imwaqqa’ u żlugati għall-aħħar u fi bnadi – l-aktar in-naħa ta’ fejn kien hemm il-bieb – ma fadalx għajr braġ ta’ ġebel mgħaqqdin bix-xewk, il-ħaxix ħażin u l-kappar, xorta waħda għadek tista’ tara s-saħħa tax-xogħol tal-bini; il-ġnub huma ħoxnin u n-naħa ta’ barra mżerżqin biex jagħtu l-għamla ta’ torri. Il-konsenturi huma bir-radam u x-xquq fil-qiegħa ta’ l-art u tal-blat fil-qrib iġegħluk tilmaħ b’dieqa ta’ qalb il-jum – xi darba fil-ġejjieni mhux tant u tant imbiegħed! – meta l-fdalijiet tat-torri jħossu ċ-ċaqliq ta’ l-art, mqar kemmkemm bħalmeta jċedi felli blat għal taħt ir-riħ, u dak li għad baqa’ mit-torri jidħol fih innifsu, jissokta jirtgħod, jogħtor għall-aħħar darba f’mijjiet ta’ snin u jsir borġ ġebel hu wkoll….

 
Mbagħad żgur ma jibqax jidher dak it-tifel ħafif ħafif jiġri waħdu waħdu mimli hena misterjuż u sliem ħiemed u sieket. Żgur ma tibqax tarah taħt sema msaħħab u iswed bix-xita mdendla. Mbagħad tmut għal dejjem it-tifkira ta’ tfajjel mitluf qalb il-blat u l-ħaxix salvaġġ, mitluf iħares lejn xefaq mimli storja u ġrajja; tintilef id-dehra tiegħu u ta’ tfal oħra matul ġenerazzjonijiet sħaħ qablu. Ma jibqa’ jidher xejn, anqas il-kamjriet tal-qrib. Diġa ġġarfet għalkollox dik il-kmajra ċkejkna ċkejkna msejjħa l-gardjola li fiha t-tifel kien jidħol jistaħba u jilgħab fi ċkunitu waqt li missieru jaħdem l-art tal-qrib madwar ix-xgħra tat-Torri, jew waqt li jindokra ftit nagħġiet. Ma jkunx jista’ jidħol jistaħba mill-għadu fl-immaġinazzjoni tiegħu… Il-gardjola baqgħalha biss il-pedament mgħotti ħaxix ħażin u wek u ġebel imqalleb minn min ma jafx u mxennaq għal bebbuxu! Ma tista’ qatt aktar tfakkarna fl-għassies ikemmex ħarstu lejn ix-xefaq igħarrex għal xi mrkeb Tork…

 
Baqa’ biss il-pedament.

 
U borg ġebel u xewk u sagħtar.

 
U xi karti u ħmieġ imħollija minn uħud li jmorru hemm għall-arja u għall-ftuħ…

 
Fil-qrib tilmaħ għaqlqa ċkejkna, daqxejn ta’ magħlaq b’erba’ ħitan tas-sejjieħ b’fetħa f’wieħed minnhom, qatgħa msejjħa mandra, u fiha w madwarha ġgajta subjien żgħar, inaqqxu x-xtieli tal-basal li qed ikabbru fiha, ibejjtu t-tewm, idemmlu, jilagħbu ta’ bdiewa kbar, waqt li x-xjuħ tagħhom jaħdmu għelieqi akbar u usa’….. U humajifirħu w jitgħallmu w jogħxew jaraw il-mandra ċkejkna tagħhom tiħdar b’weraq ifuħ ta’ tewm u basal u ħass u nagħniegħ u merqtux u ħabaq. Mbagħad la jikbru nitfa oħra jaqbdu l-imgħażqa bla sabar biex jieħdu post ta qabilhom għal ġenerazzjoni ġdida bħalma ilu jsir sena wara l-oħra għal mijjiet ta’ snin sħaħ.

 
Tmiss kważi mat-torri hemm kamra ta’ l-għassa li kienet inbniet għall-għassa tax-xtajta. Din il-kamra għadha hemm. Għadha wieqfa s’issa, għajr toqba ġmielha fis-saqaf li sfronda ‘l ġewwa mal-mogħdija taż-żmien u għax ma baqa’ jinqala’ ħadd min jieħu ħsiebha. Il-bieb, inti u dieħel, qiegħed iħares in-naħa ta’ l-art waqt li t-tieqa ta’ l-għassa tħares sewwasew fuq l-irdum u minnha tara x-xefaq kollu kemm hu. Tara ‘l Għawdex u ‘l Kemmuna, tara wkoll l-Ahrax u d-daħħla ta’ l-Għadira, tara l-Imġiebaħ taħtek sewwasew u l-Gżira tal-Barba Marku. U mal-ġnub minn ġewwa tara l-wesgħatfil-ħajt, wħda kull naħa, minfejn l-għassiesa kienu jistgħu jisparaw l-ixkubetti. Għadu jidher iz-zokklu tal-ġir kannella mal-ħajt …

 

 

Għadhom jidhru t-toqob ta’ l-istaneg ħdejn il-bieb, u tista’ timmaġinah lill-għassies ibexxaq it-tieqa, jixref u jgħarrex fil-bogħod u jwaqqaf widnejn biex jisma ‘l xi ħadd, għad tista tistħajlu jitlob lill-Madonna tal-Merċede biex tagħtih għassa bla għawġ, tista’ tarah ikebbes il-pipa u joqgħod jimraħ lejn ix-xefaq jew lejn il-kwiekeb f’sema mudlam. Għadha tidher il-brimba tinseġ l-għanqbuta, għad hemm il-wiżgħa griża w ħafifa tistaħba fit-travi ta’ l-għuda mħawwġa mmermra, għada tinxtamm ir-riħa taqsam tal-kafè sħun fuq l-ispiritiera, tad-duħħan tal-pipa, tat-telliera mibruma fuq widnejh..

 
Mbgħad joħroġ idur dawra u jixref madwaru. U kultant kien jaqbad it-triq u jerħilha lejn it-Trunċiera fid-daħla tal-Mistra, jimxi bil-għaġla, b’pass sod u wieqaf sa ma jasal ħdejn l-għassa tal-Mistra, idur dawra oħra u jerġa’ jaqbad it-triq lura lejn Għajn Ħadid.