Matul il-medda taż-żmien, il-poplu Malti ġabar diversi għajdut u qlajjiet dwar ir-rettili kollha li jeżistu fil-gżejjer Maltin.  Dan forsi  minħabba l-apparenza tagħhom, u l-mod ta’ kif dawn jiċċaqalqu u jikkomunikaw ma’ xulxin. Ħafna minn dawn il-qlajjiet huma ta’ xeħta negattiva u ftit li xejn għenu biex dawn il-ħlejjaq ikomplu joktru fis-selvaġġ.

Kitba ta’ Arnold Sciberras, Disinji ta’ Jeffrey u Romario Sciberras. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Vol 08(2006)3 Nru 30.

Dan l-artiklu se jiġbor fih dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ speċi waħda, il-gremxula, li hi waħda mid-disa’ speċi ta’ rettili ta’ l-art li għandna fil-gżejjer Maltin. Mir-rettili kollha, il-gremxula (Podarcis filfolensis) hi l-unika speċi endemika għal Malta; jiġifieri li waħda bħalha eżatt ma tinstab imkien aktar fid-dinja.  Meta nħarsu lejn l-għajdut li ntqal fuqha matul is-snin, jidher li hi l-favorita mal-Maltin fost ir-rettili ta’ pajjiżna. Dan probabli minħabba l-ilwien sbieħ li jkollha fi żmien in-namur u għax il-bixra ta’ ġisimha hija pulita u misluta meta tqabbilha ma’ rettili oħra, ngħidu aħna l-wiżgħa. Il-wiżgħa hi mistkerrħa wisq minħabba l-istruttura tal-ġilda tagħha u minħabba li kapaċi titla’ ma’ uċuh lixxi, mqar ma’ ħajt imkaħħal. Madankollu għadek issib il-maġġoranza tal-poplu Malti jitfixkel id-differenza bejn wiżgħa u gremxula, u mhux l-ewwel darba li ssib lil xi ħadd jgħidlek li mas-saqaf tad-dar jew ma’ xi lampa ta’ t-triq bil-lejl hemm gremxula. Dan mhux possibli.  Il-gremxula u l-wiżgħa għandhom jintgħarfu  facilment minn xulxin, u filwaqt li l-pali ta’ idejn il-wiżgħa jippermettulha li titla’ anke ma’ xi wicc lixx, tal-gremxula jixbħu iżjed lil-pali ta’ jdejna ħlief li is-swaba’, speċjalmet ta’ saqajha, huma ħafna itwal u r-raba’ subgħa huwa kwazi darbtejn itwal mis-swaba’ l-oħra. Id-dwiefer huma twal ħafna meta mqabbla mal-pala ta’ l-id u tas-sieq u dan il-fatt  jippermetti li l-gremxula tiġri b’dik il-veloċita enormi fix-xagħri jew fuq xi ħajt tas-sejjieħ mingħajr ma’ tiżloq, filwaqt li il-wiżgħa qisha titkaxkar u tiżżegleg meta tiġri ma’ xi ħajt.

Fatt ieħor hu li Malta għandna żewġ speċi ta’ wiżgħat u waħda mid-differenzi ta’ bejniethom hija illi speci minnhom għandha d-dwiefer fil-ħames swaba’ filwaqt li l-oħra għandha biss dwiefer vera fit-tielet u raba’ subgħa. Il-bqija tas-swaba’  għandhom difer falz jixbaħ ħafna li tagħna.  Raġuni oħra għala mal-lampi tat-toroq insibu il-wiżgħa u mhux il-gremxula hi li din ta’ l-aħħar toħroġ biss bi nhar, filwaqt li il-wiżgħa toħroġ matul il-lejl peress li d-dieta tagħha tikkonsisti iżjed f’baħrijiet u nemus li nsibuhom mal-lampi tat-toroq.

Il-kuluri tal-gremxul huma mportanti ħafna fil-ħajja sesswali tagħhom.  Meta l-gremxula jkollha l-kuluri jgħajtu, din turi li qiegħda fi żmien in-namur u f’daż-żmien tipproteġi iżjed mis-soltu t-territorju tagħha. B’dawn il-kuluri jgħajtu, l-gremxul jaraw u jagħrfu iżjed lil xulxin mill-bogħod, u jevitaw ħafna konflitti speċjalment bejn l-irġiel. Meta l-kulur tad-dahar, li jkun ġeneralment aħdar jgħajjat  bi speċi ta’ xibka sewda fuqu, ma jħallix l-effett mixtieq fuq gremxul ieħor, il-gremxul – speċjalment l-irgiel – jgħollu għonqhom biex jidher il-kulur tiegħu.  Il-kulur ta’ l-għonq jiddependi mil-lokalita’ fejn tgħix il-gremxula. B’dan il-mod, il-gremxul jagħtu sinjali differenti skond xi jkunu iridu jikkomunikaw. L-iżjed sinjal komuni huwa li jgħollu u jniżżlu rashom skond kemm huma eċitati, u jekk dawn is-sinjali kollha ma jaħdmux, issir ġlieda aggressiva li taf tieħu madwar 75 – 85 sekonda u tikkonsisti fi gdim u ġiri wara xulxin. Parti kbira mill-ġlieda hi pożi biex ibeżżgħu lil xulxin u rari li l-ġlied jikkawża xi forma ta’ ġrieħi.

Kif semmejt fil-bidu, waħda mir-raġunijiet għala l-gremxul jingħoġob minn-nies hi l-ilwien li għandu, speċjalment fiż-żmien tan-namur.   Dawn l-ilwien taw lil din l-ispeci ismijiet differenti f’lokalitajiet differenti ta’ Malta u Għawdex. Biex nagħtu eżempju: fl-inħawi ta’ Wied il-Għajn, gremxul kbir u mimli ilwien sbieħ jgħidulu S-SULTAN u jgħidulu hekk għax hu l-isbaħ fost dawk l-annimali li huma meqjusa bħala tat-tkaxkir.  Imma lejn Ħaż-Żebbuġ u f’ħafna lokalitajiet f’ Għawdex, ħafna jsejħu lil dan ta’ l-aħħar bħala l-GRINGU.  L-iżjed isem popolari f’Malta għall-gremxula kkulurita huwa d-DIRBI (hawn min ukoll jgħidha DORBI). Dan l-isem jingħad li nibet minn Ħal Qormi fejn sallum għadek issib ħafna nies jirreferu għalih hekk. Ħafna minn dawn in-nies jemmnu li dawn l-ismijiet li semmejt huma ta’ speċi different;  jiġifieri jemmnu li l-gremxula u d-dirbi m’humiex l-istess.  Imma fil-fatt id-dirbi hu gremxula bil-kuluri jgħajtu li jkollu l-gremxul tul iż-żmien tan-namur ( u tul is-sena f’postijiet fejn il-ħdura ddum fit-tul). Minbarra n-nies komuni hawn ukoll il-maġġoranza tan-naturalisti Maltin li wkoll jitfixklu kif jagħrfu is-sess tal-gremxula għax draw jibbażaw l-identifikazzjoni tagħhom fuq il-kuluri. Ħafna jaħsbu li r-raġel ikun kollu lwien sbieħ filwaqt li l-mara tkun ta’ lewn kannella. Dan hu żball li ntqal f’ħafna kitbiet u anke intwera f’fotografija riċenti. F’kitba minnhom l-awtur jenfasizza li l-gremxula ta’ Kemmunett ma tkunx ta’ lewn aħdar imma ta’ lewn iswed u kannella. Dan mhux minnu għax il-lewn aħdar li għandha din il-gremxula fir-rebbiegħa m’hawnx isbaħ minnu. Il-kittieb probabli li qal hekk għax dejjem żar lil dan il-post fis-sajf. Il-gremxul Malti, fiż-żewġ sessi, jbiddel il-lewn fi żmien in-namur minn kannella għal aħdar jgħajjat u huwa possibli li r-raġel ikun ta’ lewn jgħajjat iktar mill-mara, imma mhux dejjem ikun il-każ. Il-mara kapaċi tkun ta’ lewn ħadrani wkoll. Il-mara żżomm parti territorjali iżgħar minn tar-raġel imma xorta tiddefendiha minn gremxul oħra. Il-par jiddefendu t-terrirorju ta’ xulxin, imma dan biss waqt żmien in-namur u tul żmien it-tqala sakemm il-mara tbid. F’dan iż-żmien mhux l-ewwel darba li tara par jixxemxu flimkien.

Kien hemm bosta naturalisti li spjegawli xi forma ta’ omosesswalita bejn il-gremxul. Jiddiskrivu li waqt ġlieda bejn l-irġiel, wieħed minnhom jaqbad lill-ieħor minn dahru u jipprova jgħammru. Ġieli ppreżentawli ukoll ritratti u filmat ta’ dan iseħħ. Skond studji li għamilt jien jirriżulta li dan hu iżjed forma ta’ stupru – għax il-mara ma tħallihx – milli forma ta’ omosesswalita. Is-sessi għandhom jingħarfu billi tqabbel il-kobor u l-istatura tal-gremxul – Ir-ragel ikun ġeneralment ikbar mil-mara, u billi tqabbel l-istruttura tar-ras li tar-raġel tkun ġeneralment kbira u robusta filwaqt li tal-mara tkun pulita u għandha ukoll forma ta’ għonq.

Wara żmien in-namur, il-kuluri jibdew ibattu, u fis-sajf issib kważi gremxul ta’ lewn kannelli biss. Dan hu għala ħafna nies miż-Żurrieq waqt li kont niġbor dan it-tagħrif qaluli li id-dirbi joħroġ fir-rebbiegħa u l-gremxul hu tas-sajf.

Jekk nieħdu l-aspett tal-logħob krudili tat-tfal, speċjalment fi żmien missieri (daqs 30 – 35 sena ilu), il-gremxula spiss kienet tkun il-vittma. It-tubi tal-karozzi ta’ dak iż-żmien kienu jiġġebbdu ħafna iżjed minn tal-lum. It-tfal kienu jsibu xi siġra tal-larinġ jew tal-lumi u kienu jieħdu minnha biċċa fergħa b’saħħitha u li jkollha forma ta’ Y. Jaqbdu tubu ta’ tajer ta’ karozza u jaqtgħuh strippi twal u irqaq li jkunu jiġġebbdu bħall-lastiku. Maż-żewġ trufijiet tan-naħa ta’ fuq tal-Y kienu jorbtu strippa mit-tubu, u ż-żewġ strippi jintrabtu flimkien b’biċċa ġild li ħafna drabi kienet tkun xi lsien meħud minn xi żarbun mormi.  Hekk kien isir dak li hu magħruf bhala il-wadab. B’dan il-wadab it-tfal kienu jisparaw ċomb jew żrar lejn kull ħaġa li tiċċaqlaq; bħal għasafar tal-bejt, xi qatgħa ħuttaf, wizgħat, sriep, xaħmet l-art u gremxul.  Lejn    Ħal Qormi speċjalment, nies li intervistajt qaluli li fi tfulithom kienu jilagħbu b’dan il-mod u l-gremxula kienet qabda prestiġjuża għax kienet ittella’ l-iżjed punti f’din “il-loghba” peress li diffiċli taqbadha. Il-logħba kienet isseħħ billi qabel ma jmorru jikkaċċjawha jaraw fejn huwa l-aktar post favorit għall-gremxul biex jixxemmex. Il-post jimmarkawh b’xi kulur jew b’xi ġebel żgħir mqiegħed fuq xulxin. Imbagħad jistaħbew u jgħassu għal xi gremxula ħierga minn xi toqba u jippruvaw jolqtuha billi jisparaw fuqha bil-wadab minn ftit metri bogħod.  Passjoni agħar minn din kienet ta’ żmien il-Ġimgħa il-Kbira meta l-gremxul kien jiġi msallab ħaj fuq salib żgħir ta’ l-injam u jitħalla jmut fix-xemx jew anki f’xi drabi jingħata in-nar ħaj. Ħafna minn dan il-gremxul imsallab kien jipprova jeħles u jispiċċa jċarrat idejh minn mal-musmar biex ftit ġranet wara jinstab mejjet minn xi infezzjoni jew b’telf ta’ demm mill-ferita. Xi kultant kien ukoll jiġi mghallaq biex jippreżenta lil Ġuda.

Ix-xaħmet l-art ma kienx jintuża għal dan l-iskop għax għandu idejh żgħar wisq biex issallbu, tqil u ma setax jiġi mgħallaq għax struttura ta’ għonq m’għandux u il-gidma tiegħu hija b’saħħitha. Il-wiżgħa ma kinetx tintuża ħafna għax kienu jitqażżuha.  Illum huma ħafna li jiddispjaċihom għal li għamlu fi tfulithom; oħrajn jgħiduha bi ftaħir u hemm min ma jinteressahx. Imnalla ma kontx ngħix f’dak iż-żmien.

Minbarra l-qtil tal-gremxul bil-wadab, it-tfal ta’ dari kienu spiss jaqbdu l-gremxul ħaj bi speċi ta’ ngassa magħmula minn pjanta selvaġġa li tissejjaħ ħafura.  Dil-ħaġa hi maghrufa sew ma’ l-erbat irjihiet ta’ Malta, imma ħafna jassoċċjaw il-ħafura mal-qbid tal-gremxula, u mhux tad-dirbi, gringu, eċc… u hemm raġuni valida għala. Il-qabda tal-gremxula kienet issir hekk: Il-ħafura hi pjanta twila u rqiqa ħafna li malajr titnaddaf mill-weraq li jkollha magħha biex jibqa’ biss zokk aħdar twil.  Tarf iz-zokk, l-iktar parti rqiqa tiegħu, kienet tintlewa u tintrabat b’għoqda ħafifa biex tiġi qisha ngassa. Din l-ingassa stajt tqarribha lejn ras xi gremxula li toħroġ tittawwal ‘il barra minn ġo xi toqba.  Ma l-ingassa kien jitqiegħed ftit bżieq, u dan malajr kien jifforma bħal rita rqiqa, bħal speċi ta’ bużżieqa tas-sapun imma ċatta. Kif tara l-bżieq il-gremxula tmur tilagħqu. B’naqra ħeffa kont iddaħħal l-ingassa f’ras il-gremxula u bi skoss ħafif tiġbed il-gremxula minn ġot-toqba. Jekk ma tinqabadx sewwa, l-gremxula malajr toħroġ rasha mill-ingassa u  tisgiċċa. F’din il-“logħba” tissemma biss il-gremxula għax din kienet issir fis-sajf meta allura l-gremxul ikun bil-għatx. Fir-rebbiegħa, meta nsibu l-gremxul fi żmien in-namur, it-temperatura ma tkunx daqshekk għolja u ‘id-dirbi’ ma jinqabdux bil-ħafura għax ma jkunux daqshekk bil-għatx. Anke l-ikel li tiekol il-gremxula fir-rebbiegħa jkollu iżjed kontenut ta’ ilma. Ma’ dan nistgħu nassoċċjaw il-qawl ‘laħqu libsuli il-ħafura’ u ‘ħafif daqs gremxula’. Dawn iż-żewġ qwiel ġbarthom minn Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi u l-Marsa.  Kien hemm ukoll minn qalli li l-ħeffa titqabbel ma’ annimali oħra wkoll, mhux biss mal-gremxula.

Fir-raħal ta’ Marsaxlokk, fejn baqa’ ħafna tradizzjonijiet specjalment dawk marbuta mal-baħar u fejn fid-diskors għad hemm aċċent Malti qadim, smajt dawn l-espressjonijiet: niexef għuda, għal xi ħadd magħlub u,  misluta bħall-gremxula, li tintuża l-iżjed għal tfajla li tkun irqiqa u bla figura ta’ mara adulta. Mill-istess raħal kif ukoll minn Birżebbuġa, smajt kemm-il darba u ikkonfermawli n-nies tal-post li jħobbu jassoċċjaw nies ta’ kulur  samrani mal-gremxul ta’ Filfla. Smajt sajjied jgħid lil ieħor “Inħraqt u ġejt iswed qisek gremxula ta’ Filfla” Din il-frażi li ġejja smajtha biss fin-Nadur u jingħad li hemm biss tintuża.  Meta xi ħadd ikun stramb jew issibu dejjem għalih waħdu jgħidu: “dan qisu gremxula ta’ Kemmunett”.  In-naħa tax-Xagħra  ħafna kienu dawk li qaluli li huma jemmnu li jekk qattus jaħtaf u jiekol gremxula dan jimrad minnufih u jogħlob u f’ħafna każi  imut.

Il-gremxula, bħal annimali oħra, għandha sehem importanti fis-superstizzjonijiet. Filwaqt li l-wiżgħa   mistkerrha  u   l-baħrija l-kbira tal-leblieb u l-baħrija ta’ ras il-mewt iġibu is-saħta, il-gremxula f’ħafna lokalitajiet hija meqjusa li ġġib ir-risq speċjalment f’postijiet fejn m’hijiex daqshekk abbundanti. Għal xi raġunijiet mhux daqshekk magħrufa il-gremxul ma ssibux kullimkien. Skond studji tiegħi in-naħa ta’ l-irdum taż-Żurrieq tibqa’ tiela’ saċ-Ċirkewwa, jiġifieri l-irdum tal-Majjistral ta’ Malta, ma ssibx gremxul. Skond ma qaluli ħafna Melliħin, sas-snin sebgħin kont tara ftit gremxul fil-lokalita u din kienu jqisuha bħala risq. Illum m’għadekx issib gremxul hemmhekk ħlief forsi xi ftit li n-nies stess pprovaw jerġgħu jintroduċu fil-ġonna tagħhom. Din ma saretx il-Mellieħa biss imma f’ħafna inħawi f’Malta. Il-popolazzjoni stabbli li hemm fl-inħawi tal-bajja ta’ l-Għadira giet introdotta riċentement fis-snin disgħin.

Ħaġa li tinkwetani fuq dawn l-introduzzjonijiet li ma jkunu xejn studjati hi li jekk xi ħadd ifettillu, bħalma ġieli gara (fortunatament ma qabdux), jġib il-gremxul minn gżejjer oħra fil-qrib, bħal ngħidu aħna Kemmuna jew Kemunett, biex jitlaqhom fil-ġnien tiegħu, dan ikun qed iniġġes il-ġenetika tal-popolazzjoni li teżisti fi gżiritna. Dan għaliex kull gżira ssostni popolazzjoni ta’ gremxul ta’ genetika differenti.

L-iżjed part ta’ ġisem il-gremxula li magħha  hemm  marbuta   superstizzjonijiet hi d-denb. Kif inhu magħruf dawn ir-rettili, biex jiddefendu ruħhom, kapaċi jwaqqgħu biċċa minn denbhom. Id-denb jaqa’ imma jibqa’ jferfer, biex l-għadu jintilef iħares lejh u l-gremxula tilħaq taħrab għar- refuġju tagħha. Dan id-denb jagħmel xi erba’ minuti jferfer, sakemm is-sistema tintefa weħidha u ma jiċċaqlaqx iżjed. Il-gremxula mbagħad wara ftit xhur (minn 4 sa 6 – jiddependi miż-żmien tas-sena u t-temperatura) terġa’ ttella’ ieħor.

Għal xi raġuni mhux daqshekk ċara ħafna tismagħhom jgħidu li d-denb ikun qed “jidgħi”; ikun qiegħed joffendi l-persuna jew l-annimal li kkawża din il-gerħa lill-gremxula u dan issa jitfa’ saħta fuqu.

Storja klassika hija l-gremxula ta’ Filfla b’żewġt idnub. Irridu niftakkru kemm qalgħet bombi fuqha Filfla u l-gremxul tagħha u min jaf kemm gremxul inqatlu jew intlaqtu. Id-denb, f’xi każi rari, ma jinqatax kollu ma l-impatt u s-sistema taċ-ċirkulazzjoni tibqa’ intatta. Minn-naha l-oħra, xi forma ta’ ferita xorta tkun saret fid-denb Dan jistimula lill-ġisem li jkabbar ieħor; u għalhekk jiġu qishom żewġt idnub. Ħafna drabi d-denb l-oriġinali ikun itwal minn dak li jkun għadu kemm tela’; imma jista’ jkun li maż-żmien jiġu kważi ndaqs. Għalkemm rari ħafna, ġieli instabu wkoll gremxul bi tlett idnub. Dan il-fenomenu ma jiġrix biss lil dawk ta’ Filfla imma kull għamla ta’ rettilu li kapaċi jwaqqa’ d-denb u għandu dawk iċ-ċelloli apposta biex jiġġenera ieħor. Per ezempju: Malta dal-fenominu ġieli nstab ukoll fuq il-wizgħat. Min kien iżur lil Filfla f’dawn iż-żminijiet imsemmija (fi żmien il-bumbardamenti) kien ikollu iżjed ċans jinzerta gremxula b’dan il-fenomenu, allura tistgħu timmaġinaw minn fejn giet din l-istorja. Iżda, huwa fatt li meta żort lil Filfla għal dan l-istudju (bil-permess) rajt persentaġġ għoli ta’ gremxul b’żewġt idnub u l-bombi kien ilhom li nqatgħu għal aktar minn tletin sena. Hemm kaċċa qawwija fuq il-gremxul mill-għasafar tal-baħar (bħall-gawwi).  Imma din ta’ żewġt idnub jista’ jkun ukoll li għandha x’taqsam mal-kobor tal-gremxul. Il-gremxula ta’ Filfla tlaħħaq madwar 30cm, filwaqt li ta’ Malta ma taqbiżx is-17cm. Meta tqabbel il-ħxuna tal-ġilda taħt mikroskopju ssib li ta’ Filfla hija ħafna eħxen. Allura jista’ jkun li ħafna mid-dnub ma jinqatgħux kompletament u jilħaq jitla’ ieħor minħabba din ir-raġuni. Ġieli issib ukoll lil minn jirreferi għall-gremxula ta’ filfla b’żewġt idnub, jitfixkilha  u jgħid b’żewġt irjus. Din tingħad ukoll għall-gremxula tal-Ġebla tal-Ġeneral. Fuq din il-gremxula ta’ l-aħħar jintqal ukoll li hija ta’ daqs kbir ħafna u tixrob il-fungu (li m’hu xejn fungu imma pjanta parassita li wieħed mill-postijiet favoriti tagħha huwa fuq il-Ġebla tal-Ġeneral) li bil-Malti jissejjaħ Għerq Sinjur. Hawn minn jgħidlek ukoll li din il-gremxula għandha żaqqa ħamra għax tiekol biss minn dan l-għerq sinjur. Il-verita hija li din il-gremxula hija meqjusa bħala sottospeċi għaliha u għandha tendenzi morfoloġiċi li tkun ta’ lewn ħamrani min-naħa ta’ taħt. Hu minnu li l-għerq sinjur jerħi kulur ħamrani meta tmissu, imma l-gremxula ma tkunx qed tiekol lilu iżda tkun qed tħuf  għall-insetti li jkunu qegħdin fuqu. Rigward il-kobor esaġerat li ġieli jsemmu m’hu xejn ħlief għajdut għax din il-gremxula hija biss ftit ċentimetri ikbar minn dik li ssib fuq Malta. Din l-istorja tal-gremxula tal-Ġeneral hija msemmija u miktuba ukoll minn sa żmien is-seklu sittax u fis-snin sittin, Guido Lanfranco kkonferma dan l-iżball f’waħda mill-kitbiet tiegħu.

L-unika leġġenda li tissemma fiha l-gremxula hija dik tal-Maqluba, il-Qrendi. Hemm ħafna verżjonijiet differenti ta’ din il-leġġenda. Waħda li laqtet lili speċjalment minħabba il-gremxul tgħid hekk: “Fejn tinstab il-Maqluba illum kien raħal b’ħafna nies ħżiena u mażuni, moħħhom fil-pjaċir u l-brijju u mimlijin dnubiet. Tant kienu ħżiena dawn in-nies li lanqas Luċifru ma felaħhom u darba fost l-oħrajn tela’ minn taħt l-art u qala’ r-raħal b’id waħda minn postu u waddbu f’nofs ta’ baħar u b’hekk ġiet Filfla; u l-gremxul sewdieni, ikrah (skond dak li qalli din il-leġġenda) u b’żewġt idnub huma dawk in-nies imxajtna ta’ dak ir-raħal.

Il-qlajjiet u l-leġġendi li semmejna kollha kellhom l-effett tagħhom fuq kif il-Malti jħares lejn dawn il-ħlejjaq li tant huma benefiċċjali għall-bniedem. L-isparar, il-qbid u (l-agħar fattur) il-bexx, fixklu u qerdu għadd kbir ta’  popolazzjonijiet ta’ gremxul. Ħafna minnhom naqsu drastikament jew sparixxew fix-xejn bħal f’postijiet bħal Ħal Qormi fejn kont issib ħafna, u llum issib ftit. Min-naħa l-oħra, f’postijiet bħal Tas-Sliema u Baħar iċ-Ċagħak il-gremxul żdied u mmansa. F’dawn in-naħat dejjem kont issib iżjed nies ta’ ċertu edukazzjoni li b’xi mod beżgħu għal dawn il-ħlejjaq u tgħallmu li l-gremxula hi annimal kurjuż, ntelliġenti u kapaċi taddatta ruħha għal ċerti bidliet. Jekk tmur f’postijiet iffrekwentati l-iżjed mit-turisti (li ngħiduha kif inhi; jibżgħu għan-natura iżjed minna) bħal per eżempju l-bajja ta’ Kemmunett, issib għexieren ta’ gremxul jiġru mas-saqajn, jiekol li jsib u li joffrulu n-nies bħal xi biċċa ħobż biż-żejt, butir jew xi naqra ġelat. Il-frott jitgħaxxaq ukoll bih u jekk toffrilu biċċa tadama jew dulliegħa  jagħmel nofs ta’ nhar jilgħab magħha.

Il-gremxul, illum (u ilu minn l-1992) hu protett bil-liġi bħar-rettili l-oħra kollha u ħadd ma jista’ jaqbdu, jfixklu jew joqtlu u hija tal-mistħija li għadek issib xi nies li għadhom ma tgħallmux japprezzawh. Aħna furtunati biż-żejjed li għandna din l-ispeċi li tinstab f’ħafna popolazzjonijiet differenti endemici u jinstabu f’artna biss. Jekk nitilfu din il-ġawhra naturali tagħna nkunu komplejna nitilfu l-identita’ ta’ pajjiżna.

Ħajr

L-ewwelnett nixtieq nibda billi nirringrazzja lil missieri Mario talli mingħajr ma jaf hu kien il-persuna li nibbet dan l-interess qawwi tiegħi dwar in-natura Maltija u talli tagħni xi tagħrif dwar x’kien isir fuq ir-rettili fir-raħal tiegħu fi tfulitu. Nixtieq nirringrazzja ukoll lit-tfajla tiegħi Esther u lil ħija Jeffrey ta’ l-għajnuna li tawni f’dan u f’xogħolijiet oħra riċenti u lil Mario Gauci fuq informazzjoni rigward dan l-artiklu u l-ospitalita’ ġeneruża tiegħu waqt l-istudji tiegħi fuq dan is-suġġett ġewwa Għawdex. Grazzi ukoll lil Profs Patrick J Schembri ta’ l-għajnuna regolari li nsib minnu dwar dan is-suġġett. Ħajr ukoll lil Steve Borg għall-għajnuna tiegħu f’dan ix-xogħol speċjalment fil-grammatika Maltija. Fl-aħħar u mhux l-inqas nixtieq nirringrazzja lil dawk l-anzjani u raħlin kollha li issapportew l-ibbumbardjar ta’ mistoqsijiet tiegħi u bil-paċenzja kollha qagħdu jweġbuni.

Referenzi

Baldacchino AE, Schembri PJ (1993) Ir-Rettili u l-Amfibi tal-Gżejjer Maltin. SSCN:Malta, +46p

Baldacchino AE, Schembri PJ (2002) Amfibi Rettili u Mammiferi fil-Gżejjer Maltin. Kullana Kulturali 39 Pubblikazzjonijiet Indipendenza,  258pp. 10pls.

Buonamico, G. F. (1670)  Joh. Franc., Mss. fil-Bibljoteka Nazzjonali

Bonnet Guido/Attard J. (2005) The Maltese Countryside (Vol II) PEG, 392pp.

Gulia, Gavino, (1858) “Repertorio di Storia Naturale.”

Gulia Giov (1890) Erpetologia maltese. Il Naturalista Maltese, I(2):14-15

Lanfranco G.G (1955) Reptiles and Amphibians of the Maltese Islands. Malta Year Book, p.198-203

Lanfranco G.G (1960) Cynomorum Coccineum Linn., A Maltese Historical Plant Source: Melita Historica: Journal of the Malta Historical Societyħ. 3(1960)1(53-70)

Savona-Ventura C. (no date) Reptiles & Amphibians in Maltese medical folklore. Civilazation 10

Savona-Ventura C (1990) Maltese Medical Folklore. Man and the

Herpetofauna in Malta. A Review. Malt Med J, 2(1):41-43

Schembri PJ (1975) Two-tailed Gecko. Malt Nat, 2(1):25

Schembri PJ (1986) The Maltese Wall lizard Civilization 27

Sciberras A. (2004) The Contribution of Maltese Reptiles to Agriculture. Mcast link issue 9 pg.6

Sciberras A (2005) Reptiles – Our scaly friends. The Malta Independent. October 22nd pg.6

Sciberras J. (2001) Mhux Ta’ Filfla !!! Huttafa issue 44pg.8 Birdlife Malta