/ Għaġuża: 1. Raġel jew mara xiħ/a ħafna. 2 Idj: ‘Dik il-mara għaġuża ħażina’ – Espr. li kienet tingħad għal xi mara mdaħħla fiż-żmien li ma ġġibx ruħha sew. Qawl: i.) Għalhekk l-għaġuża qatt ma trid tmut – aktar ma tgħix aktar titgħallem; Qawl: ii.) Wara x-xjuħija l-għaġeż – jiġ. fil-ħajja kollox jasal żmienu; Qawl: iii.) L-għaġuża f’nofs ir-Randan tinqasam. Skont l-għajdut folkloristiku, f’nofsinhar tat-tieni Ħamis tar-Randan, l-ixjeħ mara tar-raħal kienet tintefa’ mill-kampnar tal-knisja għal isfel. 3. Il-kunjom Malti Agius ġej minn dan l-appellativ. 4. Tip ta’ granċ tal-baħar li jikber mal-20 ċm u li jgħix fil-Mediterran, f’fond ta’ bejn ftit metri sa 70 metru. Is. xj. Maja squinado. Ing. spider crab / sea shore crab. Interessanti hu hemm fatt ippruvat li dan il-granċ fi tmien xhur kapaċi jitkaxkar distanza ta’ 160 kilometru.