Trin, Trin, daqqet il-qanpiena

tar-rajjes mimli ħeġġa

u kif semagħha s-segretarju

mar jiġri qisu vleġġa.

Trin, Trin fil-pront reġgħet daqqet

“Min jaf x’reġa’ naqsu,

dal-fitt li m’għandux sabar?”

instemgħu xi wħud jistaqsu.

 

Trin, Trin għafasha għat-tielet darba

u meta ra li kulħadda baqa’ fejn kien

ħareġ jisbel u jindanna

jaħlef li jagħmilhom terrapien.

 

Trin, Trin, u reġa’għafasha

u did-darba ma daqqet xejn

“Sgur” qal bejnu u bejn ruħu

“xi ħadd qed jilgħab mal-main”.

 

Trin, Trin, daqq il-qniepen kollha

biex jara liema qed idoqqu

u daqqet biss ta’ l-assistent

li weħel bla ma kien ħaqqu.

 

Trin, Trin, “irridhom idoqqu!”

ordnalu b’leħen sod,

“Ara min hu li qed jitmejjel,

jien ma rrid xejn jimxi bil-mod”.

 

Trin, Trin, did-darba l-assistent

għafas il-qanpiena tiegħu

u sejjaħ lit-tlieta l-oħra

li kienu kollha Ej Ow.

Trin, Trin dawn daqqu l-qniepen

ħalli jaraw jaħdmux

u kif bdew idoqquhom

min ma semagħhomx ried ikun trux.

 

Trin, Trin mela ndoqqu glorja

għaliex għandna qniepen tajbin,

fuq ir-rubini ser jimxi x-xogħol

u kollox isir fil-ħin.