L-isem komuni li kienet magħrufa bih l-istatwa ta’ Nettunu, li hemm fil-bitħa tal-Palazz tal-President, il-Belt. Oriġ. din l-istatwa kienet iżżejjen il-funtana li kienet tinsab ħdejn ix-xatt tal-Belt, qrib il-knisja ta’ Liesse. Il-figura ta’ Nettunu x’aktarx tirrappreżenta lil Andrea Doria, l-ammiral famuż Taljan, li kien ħabib sewwa mal-Ordni ta’ Malta. L-Ordni mhux l-ewwel darba li kien ħa sehem f’battalji navali flimkien ma’ Doria, kontra l-għadu Ottoman. L-iskultur li ħadem din l-istatwa kien Leone Leoni, wieħed mill-aqwa artisti Taljani tas-seklu sittax. Kien il-Gvernatur Ingliż, John Gaspard Le Marchant, (1858-1864), li ordna li din l-istatwa tittieħed fil-bitħa tal-Palazz, meta l-funtana ħdejn ta’ Liesse tneħħiet minn postha, biex tagħmel spazju għat-traffiku.  Ara: The Palace Neptune – ‘A portrait of Andrea Doria by Leone Leoni’, Art in Malta, Discoveries and Recoveries ta’ Giovanni Bonello, pp. 17 -25.