Titolu li jirreferi għall-Ordni ta’ San Ġwann, bħala li oriġina tiegħu f’Ġerusalemm. Fis-seklu ħdax, grupp ta’ neguzjanti minn Amalfi, iddeċidew li jiftħu xi sptarijiet-refuġji żgħar f’Ġerusalemm. Wara ċertu żmien, infetħu refuġji oħrajn fil-Palestina u s-Sirja, li servew mhux biss bħala sptar iżda anki bħala post fejn il-pellegrini kienu jieqfu jistrieħu u jorqdu waqt il-vjaġ tagħhom fl-Art Imqaddsa. (Il-kelma sptr ġejja minn ospetare, jiġ. tilqa’ lil xi ħadd f’darek). Biż-żmien din l-għaqda lajka-reliġjuża inqasmet bejn dawk li kienu fis-servizz bħala spedaljieri, u dawk li saru rħieb monastiċi. Fl-istess żmien, l-Ordni kien ingħata propjetà mir-Re Baldwin, kemm f’Ġerusalem kif ukoll f’Nablus u Ġaffa. Fl-1139, il-Papa Innoċenz II, ta l-permess li dawn l-ispedaljieri jkollhom magħhom qassisin, biex dawn jamminstraw is-servizzi reliġjużi meħtieġa lill-pazjenti. Kien il-Papa Anastasius IV, li fl-1154, stabbilixxa formalment din l-għaqda ta’ spedaljieri u r-rħieb bħala Ordni reliġjuż taħt il-patroċinju tal-Papiet. Biż-żmien il-propjetà tal-Ordni bdiet tiżdied, kemm fil-Palestina, f’Antiok u fis-Sirja, u ġara li kien żdied il-bżonn li dawn il-proprjetajiet ikunu imħarsa minn xi attakki jew serq. Għal dan il-għan, l-Ordni kellu jirrikorri għas-servizz ta’ ġellieda merċenarji. Ħafna minn dawn il-ġellieda kienu kavallieri minn familji nobbli, l-aktar minn Spanja, Franza u l-Italja. Dawn kollha tħajru jingħaqdu f’dan l-Ordni reliġjuż, u b’hekk sas-seklu 13, din l-istituzzjoni żiedet magħha dipartiment militari. L-Ordni tkeċċa mill-art tal-Palestina fl-1291, u mar jgħix għal ftit snin f’Ċipru, imbagħad stabbilixxa ruħu f’Rodi. Xorta waħda it-titlu tal-Ordni baqa’ dak ‘Ġerosolmitan’. Biss wara żdiedu t-titli ‘Ta’ Rodi u Ta’ Malta’. Ara: Malta – The Order of St John ta’ Thomas Freller, pp. 13 – 25. Fortresses of the Knights ta’ Stephen Spiteri. The Shield and the Sword, ta’ Ernle Bradford.