Din il-logħba kienet tintlagħab bejn sitta sa għaxart itfal li jinqasmu f’żewġ gruppi. Grupp minnhom kien dak li lest li jaħrab biex ma jinqabadx; il-grupp l-ieħor, dak li xogħlu kien li jaqbad il-maħrubin. Wieħed minn dawk il-maħrubin jgħajjat, ‘Gardinaw’, li hija kelma li ġejja mill-Ingliż ‘Guardian out’. Ma’ din il-kelma l-grupp tat-tfal li jagħmluha tal-kalzriera jiġri wara l-grupp tat-tfal maħruba. Hekk kif jinqabad tifel minn dawk il-maħruba dan jinġieb mal-ħajt fejn il-grupp ta’ kalzriera jkun ‘ibbażat’, u dan jingħata tliet daqqiet fuq idu biex ikun ikkonfermat li dan issa hu maqbud. Sħabu jippruvaw iħarrbuh billi jersqu lejh waqt li jiżgiċċaw lill-kalzriera tiegħu. Jekk dan jaħrab dan jingħadd bħala ‘salvament’. Biss jekk il-maħruba jinqabdu kollha, il-kalzriera jirbħu l-logħba. Lanfranco jgħid li din il-logħba hi l-istess bħall-GWERRA FRANĊIŻA. Anton F. Attard jgħid li f’Għawdex din il-logħba kienet tintlagħab b’mod differenti mil-logħba Franċiża, għax fil-Gwerra Franċiża kif tintlagħab Għawdex kull grupp għandu l-‘belt’ u l-‘ħabs’ tiegħu x’jiddefendi. Sors: Logħob, Taqbil u Ġugarelli tat-Tfal Maltin ta’ Guido Lanfranco, Wise Owl Publication, p. 31; Logħob Folkloristiku ta’ Għawdex, Anton F. Attard, p. 73