Tip ta’ qoffa tax-xbiek li tkun magħmula forma ta’ lembut u li tintuża għall-qbid tal-ħut, l-aktar dak tal-qiegħ. Is-sajd bil-gangmu jsir billi l-qoffa titkarkar ma’ qiegħ il-baħar, imtaqqla biċ-ċomb,  minn xi bastiment jew dgħajsa tas-sajd. It-toqob tax-xibka huma żgħar apposta biex taqbad il-ħut irqiq. Bil-gangmu jinqabdu wkoll il-gambli. Fl-antik il-gangmu kien jintuża wkoll biex jaqbdu l-isponoż bih. Fis-sena 1773, il-Gran Mastru De Rohan kien ħareġ bandu biex is-sajjieda ma jistadux bil-gangmu. Hemm gangmu li jintuża fuq qiegħ ramli. Is-sajd bil-gangmu hu rregolat mil-liġijiet marittimi tal-Unjoni Ewropea, minħabba li t-tkarkir jagħmel il-ħsara meta jinqabad ħut żgħir ħafna li jkun għadu ma faqqasx. Intant f’Malta dan is-sajd ma għadux isir.  KAJJIKK TAL-GANGMU  Dik id-dgħajsa li kienet tintuża biex jinġabar il-faħam minn qiegħ il-baħar bi xkora li titkaxkar mal-qiegħ. TAL-GANGMU  Appel. għal dawk in-nies li kienu jaqilgħu l-għajxien tagħhom billi jiġbru dak li kien jitwaddab fil-baħar mill-bastimenti, eż. laqx tal-injam, faħam u oġġetti oħra li kienu jinstabu l-aktar fl-ilmijiet ta’ qrib ix-xatt. Tal. gangamo. Ara: Fishing in Malta, Stanley Farrugia Randon, pp. 36, 57, 172; La Pesca delle Spugne ta’ Aniello Langella, 2011, www.vesuvioviewweb.com; Snajja’ u Xogħol il-Maltin, Paul P. Borg, pp. 245-246.