Din il-festa tfakkar il-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju, u tiġi ċċelebrata fit-2 ta’ Frar. F’din iċ-ċerimonja li kienet issir fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, kien isir it-tberik tax-xemgħa. Kemm fi żmien l-Ordni, kif ukoll fi żmien l-Ingliżi, din iċ-ċerimonja kellha anki sinifikat soċio-politiku. Fi żmien l-Ordni għal din iċ-ċeremonja kien jattendi il-Gran Mastru – u fi żmien l-Ingliżi, kien jattendi l-Gvernatur. Fi żmien l-Ingliżi, Il-kappillani tal-ibliet u l-irħula kienu jippreżentaw ix-xemgħat tagħhom lill-Gvernatur fil-Palazz il-Belt. Il-Gvernatur imbagħad kien jagħmel id-diskors tiegħu indirizzat lejn il-kappillani. F’dan id-diskors il-Gvernatur kien ġen. jirriferi għas-sitwazzjoni politika lokali, għall-problemi tal-pajjiż, kif ukoll isemmi xi proġetti partikulari li l-gvern ikun bi ħsiebu jwettaq. Hawn naraw ir-rispett kordjali u fl-istess ħin l-għaqal diplomatiku li l-amministraturi Ingliżi kellhom biex iżommu diplomazija tajba mal-Isqof u il-kleru Malti. Huma kienu jifhmu li biex tilħaq il-poplu Malti kont trid tkun ħbieb mal-Knisja anki minħabba li huma bħala Protestanti kienu qed imexxu pajjiż Kattoliku. Din l-użanza li l-kleru jiltaqa’ mal-kap tal-iStat, twaqqfet għal kollox fl-1975. Ara: A Chronicle of the 20th Century, ta’ Michael Cassar u Joseph Bonnici, p. 324