Din hi dik il-parti ta’ Triq San Ġwann il-Belt, li minn Triq il-Merkanti, tagħti għan-niżla lejn Triq San Pawl. Dan il-laqam ingħata lil din it-triq minħabba ħadida kbira u mgħawġa, forma ta’ ġanċ, li hemm imdeffsa fil-ħajt, ftit ’il bogħod mill-kantuniera ta’ Triq Il-Merkanti. Hawn min jgħid li dan il-ganċ twaħħal hemm fi żmien l-Ordni biex miegħu idendlu b’ħabel il-persuni ikkundannati, minn fuq speċi ta’ ħoġor ħiereġ ’l barra fl-għoli tal-kantuniera. Hu fatt li fi żmien l-Ordni, ma’ din il-kantuniera li kienet tagħmel parti mill-Kastellanja, kien isir l-istrapado, jiġifieri, tip ta’ tortura fejn il-persuna kienet tintrabat, tiddendel u tinġibed bil-ħbula biex jissussawla l-ġogi. (ara KASTELLANJA). Hemm ukoll xniegħa ħelwa, li fi żmien l-Ingliżi dawk impjegati man-Navy kienu jittantaw jgħaddu minn ġol-ganċ biex jingħataw promozzjoni. Biss, ir-raġuni vera għal dan il-ganċ kienet, li dan serva biex miegħu jintrabtu il-ħbula biex jittellgħu l-qniepen li hemm fil-kampnar tal-Konkatidral ta’ San Ġwann.