Oġġett dekorattiv norm. ta’ daqs ta’ midalja, li jintlibes min-nisa, jew bħala pendent mal-għonq jew jintgħafas b’labra fuq il-pavru tal-ġakketta. Il-gamew ilu jintlibes għal sekli sħaħ, u sa jidher f’disinji li jmorru lura sal-perijodu Ruman. Jidher li l-gamew kien jintlibes oriġ. kemm bħala oġġett ornamentali kif ukoll bħala oġġett sagru, tip ta’ taliżman li kien jipproteġi ’l dak li jkun kontra l-ħażen. Bħala xogħol artiġjanali l-gamew norm. jikkonsisti minn ħaġar ta’ ċertu valur, iddisinjat u mnaqqax fl-istil ta’ bassoriliev, u li mbagħad ikun interzjat b’materjal ieħor biex flimkien joħolqu disinn u xogħol artistiku żgħir li jista’ jintlibes. Etim. Gr. komma – M. inċiżjoni, jew Gr. kamaton – M. xogħol iebes u artiġjanali. Ing. cameo. Tal. cammeo.