Il-kelma Ġakbin hija assoċjata ħafna drabi ma’ xi karattru, li jikxef lil sieħbu ma’ xi ħadd b’kariga għolja fuq il-post tax-xogħol, jew oħrajn.  Bniedem li aħjar ma tafdax sigrieti miegħu. v. Iġġakbinah – mar igħid fuqu. Fi Franza, ta’ żmien ir-Rivoluzzjoni, l-għaqda tal-Ġakbini kienet l-iżjed fazzjoni magħrufa u b’saħħitha. L-isem ta’ din l-għaqda ġej minn kif kien magħruf il-kunvent tad-Dumnikani f’Pariġi, f’Rue S. Jacques, fejn kienu jiltaqgħu l-membri ta’ dan il-grupp. Il-Ġakbini kienu jlaħħqu madwar 480,000 membru, u kienu mferrxa ma’ Franza kollha. Ħafna membri minn dan l-istess klabb spiċċaw biex xlew lil xulxin, u bosta sfaw kkundannati għall-mewt. Din l-għaqda spiċċat fl-1794, meta Robespierre, il-mexxej tagħha, kien arrestat u kkundannat għal mewt bil-giljottina.  Fr. Jacobin.