Karattru fittizju fil-folklor Malti, li ismu hu sinonimu ma’ xi ħadd sempliċi, fidil u balalu għall-aħħar. Dwaru jingħadu stejjer tad-daħk, fejn tispikka l-inġenwità ta’ dan iż-żagħżugħ. Waħda mill-istejjer l-aktar magħrufa hi: ‘Ġaħan jiġbed il-bieb warajh’.  F’din l-istorja omm Ġaħan tmur il-quddies, u qabel ma toħroġ tavża lil binha biex jekk joħroġ mid-dar, dan għandu jiġbed il-bieb warajh (jiġifieri jsakkar il-bieb).  Ġaħan jagħmel preċiżament kif tgħidlu ommu!  Kif joħroġ mid-dar ġibed il-bieb warajh. Mhux talli hekk, talli qala’ l-bieb miċ-ċaċċis u kaxkru miegħu u reħilha lejn il-knisja, fejn ommu. Skont sors fuq l-Internet din l-storja bit-titlu b’kollox tingħad fi Sqallija. Biss l-isem tat-tifel jinbidel xi ftit għal Ġufa. (ara nota hawn taħt). Idj: ‘Omm Ġaħan b’uliedha’ – rif. għal xi familja ta’ nies sempliċI jew boloh. Anke fid-dinja Għarbija, l-isem ta’ Ġaħan jissemma fi stejjer ta’natura umoristika. L-isem hu simili, Ġiħan jew Ġuħa u dan hu wkoll karattru baħbuh, twajjeb u sempliċi. Sors: J.A. u E.S.I. Il-Miklem Malti, It-Tielet Volum, 1976;  Stejjer  Ta’ Niesna ta’ Ġużé Cassar Pullicino, 1966. PASTIZZI TA’ ĠAĦAN   Dawn huma ħlewwiet magħmulin mit-tin imqadded, li fihom jiġi mdeffes il-ġewż. Din hija riċetta antika u tradizzjonali Għawdxija. Ara: Mill-Ħajja ta’ l-Imgħoddi ta’ Anton F. Attard, pp. 119, 120. Ġifa the fool of Sicily: https://www.worldandischool.com/public/1991/april/school-resource18535.asp; Il Giufà d’Oriente: http://digilander.libero.it/sicilia.cultura/giufadoriente.pdf.