L-Ilsien Malti jitnissel mill-Għarbi. Jekk din il-ħaġa hawn min iddejqu, b’daqshekk hi mhix se tinbidel, u lanqas mhi se titlaq billi nissellfu u nużaw kliem barrani bl-addoċċ u bla bżonn, jew billi qajla ninqdew bil-għodod morfoloġiċi għat-tiswir tal-kliem meħtieġ għall-oqsma kollha tal-ħajja tal-lum, li fihom ilsienna tant hu għani.

Anzi, b’imġiba bħal din, il-qagħda żżid titgħarraq, għaliex il-Malti, filwaqt li xorta jibqa’ jinstema’ xi ftit jew wisq Għarbi, ma jibqax aktar dak l-ilsien fuq tiegħu u ħaj li jkun jista’ jaqdina b’ħeffa sħiħa (mhux imlaqqta) fit-taħdit tagħna.

Jekk il-Malti jibqa’ ma jinftiehemx sew, jekk kelliem tiegħu, għaref kemm hu għaref, jibqa’ jħawwad u jlaqlaq tant li ma jinftiehemx, jekk ma nagħrfux lill-Malti nħalluh jaqdina kif jaf hu, ikun jaqblilna li nwarrbuh għalkollox minn ħajjitna u ninqdew b’ilsien sew, għax bniedem bla taħdit sura ta’ nies lanqas jaħseb sew ma jkollu ħila jagħmel.

F’dan il-ktieb ma tingħatax kelma Maltija Safja għal kull kelma mislufa: l-ekwivalent Malti Safi jingħata biss għal kull kelma li sibtilha tarfha! Meta dan ma jingħatax ifisser li għalissa jkollna nitqannew bil-kelma l-barranija. Wara kollox, dan mhux dizzjunarju, iżda ġabra ta’ ekwivalenti safjin għal kliem Malti mhux safi.

ilmiklem.com: Ktieb indispensabbli li jaqdi tlett skopijiet ewlenin: 1. Jurina kemm tassew frott l-għażż,  tlifna l-ħila li nesprimu ruħna mingħajr ma nisselfu kliem importati bla bżonn li finalment ma jaqduniex bħal ma jaqduna kliem safjin  2. jqajjmilna kurżita’ w kilba għall-kliem minsi jew aħjar abbandunat w 3.  jfissrilna b’mod faċli l-alternattiva iktar meqjusa għal dik il-kelma li tiġina l-ewwel f’moħħna.

http://www.sierra-books.com/pages/sierra