Oriġ. din il-kelma kienet tirriferi għall-isptar tal-Ordni, is-Sacra Infermeria li l-Kavallieri kienu bnew, l-ewwel il-Birgu, imbagħad il-Belt Valletta. Qabel dawn, l-ewwel infermerija li kien hawn f’Malta kien l-isptar Santo Spirito li nbena fuq is-Saqqajja, ir-Rabat, fis-seklu erbatax. Dan kienu jieħdu ħsiebu l-Franġiskani, imbagħad l-Università tal-Imdina. Matul is-snin l-isptar fil-Belt kien kiber sew u spiċċa kellu mal-550 sodda, li fi żmien ta’ emerġenza setgħu jiżdiedu magħhom anki aktar sodod biex itella’ t-total ta’ 900. Il-pazjenti kienu jinżammu fi swali separati skont it-tip ta’ mard li jkunu qed ibatu minnu.   Kienet ħaġa normali li tisma’ lil min jgħid: ‘Dak ħassu ħażin u ħaduh il-furmarija’. Qawl: ‘Bħat-tiġieġa tal-furmarija, jekk teħlisha filgħodu teħilha filgħaxija!’ Rif. lejn sitwazzjoni ta’ bniedem magħkus – imqabbla mat-tjur lesti għall-qatla fl-isptarijiet – jiġ. jekk id-destin ħażin ta’ persuna ma jittwettaqx illum dan żgur se jseħħ fil-futur qrib.