jew FGUM / FGUN / FOKUN

Il-fugun huwa dik l-ispeċi ta’ kuċċarina li fiż-żmien ta’ bejn is-seklu ħmistax u s-seklu dsatax kienet tkun imwaħħla mal-parti ta’ wara tal-arma tan-nar. Il-fugun kien ikun imiss ma’ toqba rqiqa (Ing. touch hole) li tagħti għal ġewwa tal-kanna tal-arma. Fil-fugun kien jitpoġġa l-polverin, li kien porvli fin biex ikun jista’ jgħaddi mit-toqba. Il-fugun kien jitgħatta b’kuperċ sakemm il-muskettier ikun irid jispara l-arma u allura jiftaħ il-kuperċ. Hekk kif jintgħafas il-grillu tinżel il-miċċa (korda ġġammar) li tkun imdendla ma’ speċi ta’ morsa żgħira u din, hekk kif tħokk fuq il-polverin li jkun hemm fil-fugun dan jaqbad. F’ħakka ta’ għajn il-polverin ġewwa l-kanna jieħu wkoll biex b’hekk ikkargata l-balla taċ-ċomb tispara l-balla ’l barra mill-kanna bis-saħħa. Il-fugun insibuh ukoll fuq il-warrani tal-kanuni, fuq it-toqba tal-miċċa, imsejħa ‘lumjera’, imħaffra wkoll bħal kuċċarina. Din kienet titgħatta b’biċċa ġilda kwadra marbuta bil-lenza mad-dawra ta’ wara tal-kanun. Ing. flash-pan. Ħajr: Joe Cilia.   2. Rif. għall-kċina ta’ abbord il-bastiment. Ing. ship’s galley.