(pl. ta’ fossa).  Dawn huma ħofor fl-art, ġen. imħaffrin forma ta’ qanpiena u mgħottija b’għata tonda tal-ġebel. Fiħom kien jintrefa’ l-qamħ jew uċuh oħra simili, msejħa tax-xott. L-akbar kwantità ta’ dawn il-fosos hi dik tal-Furjana, li hemm quddiem il-knisja arċipretali ta’ San Publju. Ħafna minn dawn huma ta’ żmien l-Ingliżi u baqgħu jintużaw sal-1962. Quddiem il-Forti Sant Iermu, fil-Belt, kienu tħaffru  fi żmien l-Ordni 70 fossa, li bejniethom kienu jerfgħu 57,000 salma qamħ (19,000 tunnellata).  Quddiem il-Berġa ta’ Kastilja kien hemm ħmistax-il fossa oħra. Fil-Birgu u l-Isla kien hemm 24 oħra kollha ta’ żmien l-Ordni. Fiċ-Ċitadella, ir-Rabat Għawdex, kien hemm tlieta biss minnhom. Kien hemm fosos oħrajn quddiem il-knisja tal-Kapuċċini fil-Furjana.  Ara: ‘Il-Fosos – Underground Grain Storage in the Maltese Islands’, ta’ David Dandria fi Treasures of Malta, No. 48 Summer 2010, Vol XVI, no 3, pp. 47, 53.