Il-perjodiku “l-Imnara” issa ilu joħroġ tlieta u tletin sena; mill-1978 ‘l hawn.  Billi nafu kemm saru rari l-ewwel ħarġiet tal-Imnara, u allura nafu wkoll li ħafna mill-qarrejja tagħna m’għandhomx aċċess għalihom, biħsiebna li minn żmien għal żmien, jekk l-ispazju jkun jippermmetti, nerġgħu nippubblikaw xi artiklu li jkun deher ħafna snin ilu, imma li t-tagħrif ta’ ġo fih ikun għadu jqanqal ċertu interess. 

Għal dil-ħarġa għażilna artiklu ta’ Rafel Bonnici Cali’, li kien deher fl-ewwel ħarġa tal-Imnara fl-1978.  Dak iż-żmien Bonnici Cali’ kien it-Teżorier tal-Għaqda.  Twieled Ħal Tarxien, u minn eta’ żgħira wera ġebda kbira lejn l-arti.  Meta kien għadu daqsxejn ta’ tifel kien jitgħallem għand il-pittur magħruf Giuseppa Cali’, li kien jiġi z-ziju t’ommu.  Maż-żmien tela’ jistudja anke l-Italja.

Fl-1932 kien imqabbad ipitter xi xogħolijiet għall-knisja parrokkjali tal-Ħamrun, fosthom id-dehra tal-Madonna lil San Gejtanu, u l-kwadru ta’ San Pietru Pawl.  Wara ntefa’ fuq ix-xogħol tar-restawr, u ħa fama tajba ħafna.  Fil-Gwerra waqaf għal xi snin, imma wara l-Gwerra, bil-bini mill-ġdid jew l-irranġar ta’ ħafna knejjes milquta bil-bombi, kellu ħafna xogħol u llum wieħed jista’ jara l-pittura tiegħu fi knejjes il-Belt, Bormla, l-Birgu, Ħal Tarxien u ż-Żurrieq.   Meta l-boom ta’ wara l-Gwerra spiċċa, Rafel kellu jfittex xogħol mal-Gvern, u daħal jgħallem l-arti f’xi skejjel tekniċi, l-Liċeo, u anke l-Iskola tal-Arti.

Rafel Bonnici Cali’ kiteb ukoll fuq l-istorja tal-arti f’Malta, imma f’dan l-artiklu jitkellem fuq żmien meta bla ħsieb ta’ xejn, sab ruħu mdaħħal f’biċċa folklore Maltija.

Kitba ta’ Rafel Bonnici Cali’. L-Artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara. L-ixbihat meħudin mill-internet u ma kienux parti mill-artiklu oriġinali – qed jiġu ripproduċuti hawn għal skop informattiv.

Min hu xiħ bħali aktarx jiftakar li l-karozzi li jimxu bla żwiemel kienu jissejħu minna l-Maltin Karozzi tan-Nar, għax waqt li jimxu kienu jarmu d-duħħan; mela kien fihom in-nar.

Dawn dehru fostna fi żmien il-Gwerra l-Kbira li bdiet fl-1914.  Illum nafuhom aktarx bl-isem Ingliż – motor cars għall-karozzi ż-żgħar, imsejħa wkoll karozzi tas-sinjuri; u buses għall-karozzi kbar għall-ġarr tal-passiġġieri.

Meta spiċċat il-gwerra, fl-1918, uħud mill-karozzi kbar li kellhom is-servizzi Ingliżi bdew jinbiegħu bl-irħis lill-poplu u wħud ġew imdawrin għall-ġarr tal-passiġġieri, b’hekk beda s-servizz popolari mill-irħula għall-Belt b’aktar ħeffa mit-tramvaj (Tram) u l-vapur tal-art (ferrovija) li kellhom jinqerdu ħesrem dwar l-1930.

Għall-ewwel is-servizz tal-karozzi kien bla organizzazzjoni; kull sid ta’ karozza beda jaħdem għalfejn irid; Malta kienet kollha tiegħu u jaħdem meta jrid, daqqa fuq il-linja u daqqa għal xi xalata, eċċ.

Jien li trabbejt f’Ħal Tarxien, niftakar lill-Ċelest, bniedem ħawtieli, li xtara ambulanza qadima tal-isptar tas-servizzi Ingliżi u dawwarha f’karozza billi żiedilha żewġ bankijiet fuq ġewwa u gallarija fuq wara biex isservi għad-dħul u l-inżul tal-passiġġieri.  Huwa żebagħha kaħla ċara, biex taqbel mal-isem “Ċelest”, u mal-ġnub tagħha fuq barra żied l-isem b’ittri kbar TA’ ĊELEST.  Tgħidx kemm sar poplari man-nies tar-raħal, għax kien jaħdem għall-Belt, u meta jasal is-sajf kien jaħdem għall-bajja ta’ Birżebbuġa.

Għall-ewwel żmien il-karozzi kienu jinżebgħu kif ifettillu sidhom.  Ngħidu aħna sid mill-Furjana kien aktarx jiżbogħ il-karozza ħadra bħall-lewn tal-klabb tal-ballun Furjaniż; waqt li sid minn Tas-Sliema kien aktarx jagħżel il-lewn ikħal – lewn il-klabb Slimiż.

Dan kien jirrifletti l-ilwien li bihom kienu jinżebgħu id-dgħajjes tat-tiġrija tal-Vittorja fil-Port il-Kbir, iżda l-karozzi tal-passiġġieri żiedu tiżjin ieħor li jirrifletti l-puleni tal-bastimenti antiki, jiġifieri żiedu girlandi tal-fjuri pinġuti mal-ġnub tagħhom u fuq il-warrani tal-gallarija.  Kien fihom x’tara, xejn inqas mill-karrijiet ta’ Sqallija li fuq il-ġnub tagħhom kien ikun fihom tiżjin mill-isbaħ ta’ xeni bil-figuri b’ħafna lwien.

Imma l-karozzi tal-passiġġieri ta’ Malta kienu ta’ għamla speċjail u b’tiżjin kollu kemm hu Malti li ma jixbaħ lil ta’ ħadd ieħor; kien kollu kemm hu folklor Malti li żviluppa fi ftit snin u ġie ukoll maħnuq ftit wara li twieled.  Fih daħlu mhux biss disinji ta’ ward u ornat, imma wkoll xbiehat ta’ qaddisin u nies oħra mportanti meħudin mill-istorja ta’ Malta u tad-dinja kif iddur.

Niftakar sewwa li sid ta’ karozza mill-Belt żebagħ il-karozza tal-passiġġieri ħamra għax huwa kien devot tal-qaddis martri San Pawl, u ried ix-xbieha tal-qaddis fuq kull naħa tal-karozza.  Ried isib ukoll pittur biex ix-xbieha tkun sewwa sew kopja tal-vara tal-qaddis li hemm fil-Bieb tal-Belt – u dan qabbad lili.

Ix-xogħol ingħoġob u għalhekk sidien oħra qabbduni npinġilhom qaddisin u xbihat oħra fuq il-karozzi tagħhom.  Biex ma ntawlux, sid minn Ħal Qormi ried lil San Ġorġ fuq iż-żiemel, ieħor minn Ħaż-Żebbuġ ried lil San Filep, ieħor mill-Ħamrun ried lil San Gejtanu, u oħrajn riedu lil San Ġużepp jew lil qaddisin oħra; waqt li wieħed minn Għawdex ried lil San Pietru Pawl, il-patrun tal-parroċċa tan-Nadur.

Dawn il-qaddisin kienu juru fejn il-karozzi kienu jieħdu n-nies, flok l-isem tal-belt jew raħal.  Imma meta l-karozzi żdiedu, dehru l-ismijiet tal-irħula fuq it-tabella (destination).

Kienu dehru wkoll xbihat oħra, bħal tal-President George Washington fuq karozza ta’ wieħed li darba kien l-Amerka; Tom Mix il-Cowboy, jew isem ta’ xi artista taċ-ċinematografu ta’ dak iż-żmien, kulħadd gostih. L-istorja ta’ Malta wkoll uriet ruħha bl-ismijiet u x-xbihat tal-Granmastri La Valette, Cottoner, Pinto, eċċ.  Kif ukoll Mannarinu u Mattew Callus.  In-namrati wkoll ħadu sehem, u niftakar l-ismijiet ta’ Evelina, Pawlina, u Melita

.Għall-ħabta tal-1927 il-Gvern ried li jsiru l-linji tal-karozzi, kull linja b’lewn għaliha u b’hekk dawk tal-Mellieħa bdew jinżebgħu bl-abjad, tar-Rabat bl-ikħal skur, ta’ Birżebbuġa bl-ikħal ċar, ta’ Tas-Sliema bl-aħdar skur, ta’ Bormla bl-aħdar ċar, ta’ Birkirkara bl-aħmar, ta’ Ħaż-Żebbuġ bl-isfar, eċċ.  Imbaghad dwar l-1933, il-Gvern ma riedx aktar girlandi u ismijiet u lanqas xbiehat fuq il-qafas ta’ barra tal-karozzi tal-linja.

Illum għandna l-karozzi kollha ta’ lewn wieħed, u jingħarfu bin-numru, imma s-sidien żammew ftit mit-tradizzjoni tal-folklor billi għadhom iżommu l-ġewwieni tal-karozzi tagħhom bi xbiehat tal-qaddisin tagħhom u xbihat oħra li jħobbu, imma l-aktar ħaġa popolari tagħhom hija l-kliem Latin:  Verbun  Dei Caro  Factum Est, li xerred il-qaddis Dun Ġorġ Preca tal-Mużew fostna l-Maltin fl-istess ħin li dehru l-motor cars.

Jien li kont imdaħħal sewwa f’dan il-qasam tal-folklor billi, kif ġa għidt kont imsejjaħ biex inpinġi dawn ix-xbihat, kont ukoll immaqdar minn sħabi l-artisti żgħażagħ għax dehrilhom li kont qiegħed inwaqqa’ l-arti fil-baxx, imma l-artisti xjuħ bħal Dwardu Caruana Dingli u Toni Micallef għamluli kuraġġ u tawni parir biex inkompli naħdem għax il-pittura fuq il-ħajt, fuq it-tila, fuq karta, fis-swali, u fuq il-karozzi hija dejjem arti jekk maħduma tajjeb.  Din hija l-istorja ta’ kif bdejt il-karriera tiegħi bħala pittur tal-folklor meta kelli 18-il sena.