Espr. li tirriferi għal flus li ma jiswew xejn. Kont tisma’ lil min jgħid, ‘Flusi mhux tal-ġild, tafx!’ – jiġ. jien għandi flus biex inħallas bħal ħaddieħor. Flus li ma jiswewx kienu jgħidulhom ukoll ‘flus ta’ Santa Liena’. Dan għaliex, skont leġġenda, f’Birkirkara kienu nstabu flus ta’ valuta qadima li ma baqgħux tajba biex jiċċirkulaw bħala valuta legali. Espr. oħra huma ‘flus tal-fallari’, ‘flus tal-Lhud’ u ‘flus taż-żmien’. Fil-ktieb Kif Ngħiduha ta’ Ġino u Anna Muscat Azzopardi nsibu miktub hekk: ‘‘Flus tal-ġild’ ngħiduha għal min ma jħallasx.’ Ara: Qwiel, Idjomi, Laqmijiet Maltin u trufijiet oħrajn, Albert W. Agius, p. 132.