Dan l-isem, jew biex inkunu eżatti Flit kien isem famuż ta’ ta’ prodott kummerċjali ta’ insettiċida li beda jinbiegħ għall-ewwel darba fl-1923 mill-iStandard Oil Company ta’ New Jersey. Dan il-prodott, magħmul miż-żejt minerali, kien intenzjonat biex joqtol l-aktar id-dubbien u n-nemus. Fis-snin erbgħin u ħamsin l-Esso żied mat-taħlita ta’ kimiċi tiegħu d-DDT (5% mill-Flit). Sas-snin sittin dan l-isprej kien popolari mad-dinja kollha, sakemm l-awtoritajiet tas-saħħa bdew jifhmu aħjar l-impatt ħażin ta’ din it-taħlita ta’ kimika, kemm fuq l-ambjent in ġenerali kif ukoll fuq in-nies u l-annimali. Biż-żmien il-Maltin bdew jużaw l-isem Flit bħala terminu ġeneriku kull meta jirriferu għal kull tip ta’ taħlit ta’ sprej li jkun ippressat u sparat ’il barra minn ġot-tubu, l-aktar bħala insettiċida. Minn dan l-isem ħareġ il-verb IFFLITTJA, jiġ. sprejja l-kimika minn ġol-bott tal-pressa. Wara numru ta’ snin il-pestiċidi u sprejs oħra kienu bdew ikunu bbottiljati u ppressati ’l barra bil-Chlorofluorocarbons (CFCs) li jagħmlu ħsara ’l-ożonu. Dan issa nqata’ wkoll u llum jintużaw rotating atomisers għal kull tip ta’ sprej li jkun ibbottiljat.