Tip ta’ mrewħa kbira li kienet tintuża fuq il-presbiterju waqt il-quddies biex trewwaħ l-arja u anki tkeċċi d-dubbien. Din l-imrewħa kienet tkun magħmula ġen. mir-rix tan-nagħma jew tal-pagun, jekk mhux ukoll minn weraq finti, u kienet tkun miżmuma mid-djaknu. Biż-żmien il-flabell ħa xejra simbolika, għax kien jagħti wieħed x’jifhem li kemm iċ-ċerimonja kif ukoll iċ-ċerimonjant kienu ta’ ċerta importanza. Illum il-flabell jintuża biss f’xi ċerimonja solenni li jkun qed jieħu sehem fiha l-Papa. L-oriġini tal-flabell imur lura sa żmien il-Faragħuni tal-Eġittu, u ta’ spiss narawh fit-tpinġijiet ta’ dak iż-żmien. Tal. flabello, final. Lat. flabellum.