L-ewwel darba li ġiet mitbugħa din il-munita kien f’Firenze, fl-1252.  Minħabba li Firenze kienet belt attiva ħafna fil-kummerċ internazzjonali u b’saħħitha ekonomikament, din il-munita kienet valuta aċċettata kullimkien. Bħala valuta u disinn, din il-munita ftit li xejn tbiddlet sas-seklu sittax.  Anki f’Malta, din il-munita kienet tintuża sew, speċ. meta jsir il-kummerċ ma’ barra.  Mal-fjorin ta’ Firenze kien hemm ukoll il-fjorin ta’ Aragona.  Kien hemm żmien meta l-inbejjed impurtati f’Malta kienu jiġu intaxxati fjorin kull bettija. Ta’ min wieħed ifakkar ir-rakkont ta’ meta fl-1426, il-Maltin riedu jeħilsu minn Gonsalvo Monroy, billi jħallsu s-somma ta’ 40,000 fjorin, biex dan jagħtihom lura l-libertà mill-ħakma tiegħu.  Din kienet tant somma kbira għal dak iż-żmien, illi l-Maltin ma rnexxielhomx jiġbru is-somma mitluba.  Meta fl-1429, Monroy kien wasal biex imut, il-Maltin, li dak iż-żmien kienu jlaħħqu mal-10,000 ruħ rnexxielhom jiġbru biss is-somma ta’ 20,000 fjorin Aragoniż.