Mixegħla bil-fjakkli (torċi).  Purċissjoni fejn il-partiċipanti jġorru fjakkola kull wieħed bħala qima lejn il-Madonna jew xi qaddis ieħor. Il-fjakkli mhux dejjem jinġarru fl-idejn. Dawn jistgħu jinxtgħelu f’diversi reċipjenti u mqiegħda fit-toroq jew fuq is-swar. Il-fjakkolati huma dokumentati digà fis-seklu sittax, mhux biss f’okkażjonijiet reliġjużi bħall-Imnarja, iżda anki f’okkażjonijiet oħra ta’ ferħ. Fis-sena 1519, il-Viċirè ta’ Sqallija kiteb lill-Muniċipju tal-Imdina biex jorganizza fjakkolata ad unur tar-Re Karlu V ta’ Spanja, li fil-15 ta’ Lulju kien sar Imperatur. Dawn il-fjakkoli kienu jikkonsistu f’reċipjenti żgħar tal-fuħħar li fihom tinxtegħel fjamma żgħira. Tal. fiaccolata.