1. Dgħajsa, qisha luzzu żgħir jew kajjikk, li fl-antik kienet tintuża ħafna għas-sajd. It-tul tagħha hu anqas minn tmien metri. Il-firilla għandha l-opramorta tagħha baxxa aktar minn dik tal-luzzu u għaldaqstant hu aktar faċli li s-sajjied jilħaq wiċċ il-baħar b’idu biex iniżżel jew itella’ x-xbiek jew il-konzijiet mid-dgħajsa. Apparti minn hekk, il-firilla hi eħfef mil-luzzu. Fl-1921 kien hawn irreġistrati fil-gżejjer Maltin mal-mitejn firilla li kienu jintużaw għas-sajd. Minħabba li s-sajjieda bdew jistadu ħafna aktar ’il barra mill-art, din id-dgħajsa kważi spiċċat għal kollox u minflokha żviluppaw u żdiedu aktar il-luzzijiet, għax huma akbar minnha. 2. Skont Mikiel Anton Vassalli din hi bhima ċkejkna. Idj: ‘Dik it-tfajla qisha firilla’ – rif. għal xi tfajla fuq ruħha, ħafifa u anki b’figura grazzjuża. Ara: Fishing in Malta ta’ Stanley Farrugia Randon, pp. 58,59; Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni,  Ġużi Gatt, p. 202.