1. Żerriegħa waħda tal-felfel.  2. L-isem tal-gżira żgħira li tinsab daqs 5 km ’l bogħod fin-Nofsinhar ta’ Malta, tħares lejn Wied iż-Żurrieq. Din il-gżira hi magħmula minn blata waħda b’sisien li jilħqu sa 70 m għoli. Għal ħafna żmien din il-gżira kienet tintuża mill-flotta u l-air force Ingliża, bħala target practice fl-eżerċizzi militari tagħhom.  Bir-riżultat ta’ hekk ħafna blat ta’ din il-gżira tfarrak u waqa’ taħt is-sisien fuq il-blat jew fil-baħar. Fost il-fauna li nsibu hem, jeżistu l-gremxula endemika (Podarcis filfolensis sp. filfolensis) kif ukoll bebbuxu rari, id-Dussies ta’ Filfla. Hemm ukoll tliet speċi ta’ għasafar li jbejtu fuq Filfla, bħaċ-ċief, il-kanġu ta’ Filfla u l-gawwija prima. Din tal-aħħar tiekol kollox, anki saħansitra ’l-kanġu ta’ Filfla. Fl-imgħoddi kienet tbejjet ukoll il-garnija. Fl-1988, Filfla kienet iddikjarata riserva naturali, ‘Żona ta’ Ħarsien Speċjali’ u ta’ importanza internazzjonali, skont id-Direttiva tal-Ambjent tal-Unjoni Ewropea.   Ara: Filfla and its Birdlife ta’ Joe Sultana u Charles Gauci f’Heritage Vol. 2 pp. 568-570;  A Guide to the Birds of Malta ta’ Sultana J, Gauci C. u Beaman M.