(pl. fjiel)   L-isem Semitiku u l-Malti antik li bih kienu jirriferu għall-iljunfant. Dan l-isem hu inkluż bħala kelma Maltija fil-Lexicon ta’ M.A.V. (1796). In-nomenklatura ‘fil’ tindika li dan l-annimal kien beda jissejjaħ hekk f’Malta miż-żmien meta s-Semitiku kien daħal f’Malta minn Sqallija, jiġ. mis-seklu disgħa ‘l quddiem. Biss jista’ jkun ukoll li dan l-isem baqa’ anki miż-‘mien puniku. Nafu li, fost ħafna oħrajn, Annibale ta’ Kartaġni, Alessandru l-Kbir tal-Maċedonja u Pirrus ta’ Epirus użaw dan l-annimal għal skopijiet ta’ gwerra. L-iljunfant Asjatiku ntuża fis-sena 1229 minn Federiku II, ir-Re Żvev, li kien jamministra ’l Malta mir-Renju tiegħu f’Palermo, meta dan iġġieled f’battalja kontra l-belt ta’ Cremona fl-Italja. Għaldaqstant jekk l-iljunfant kien użat fi Sqallija fiż-żmien meta Sqallija kellha popolazzjoni kbira li titkellem l-Għarbi, in-nom ‘fil’ seta’ faċilment iddaħħal Malta minnhom.