pl. ftietel)   Rif. għal kull oġġett magħmul imrembel u fit-tul.  1. Għaġina twila li ssir billi din tkun irrumblata u mġebbda biex tieħu l-forma tagħha, eż. spagetta jew imqarruna jew biskuttell twil; bermuċ jew grissin. Carmel G. Cauchi, fil-ktieb tiegħu Mill-Ġnejna ta’ Tfuliti, p. 72, jgħid li għall-Milied ommu kienet issajjar fettul tat-tamar bħala deżerta. Ir-riċetta kienet tikkonsisti minn qabda tamar imħawwar bi ftit qtar tal-aniżett, qxur tal-larinġ maħkuk, imsiemer tal-qronfol u ftit smid. Dan kien jintefa’ ġo għaġina li tkun irrumblata u mfettla. Imbagħad din l-għaġina tinħema fil-forn. Hekk kif tissajjar, din tinqata’ biċċiet iżgħar biex titqassam lil kulħadd. B’mod figurattiv din il-kelma tintuża anki biex tiddeskrivi sigarru pjuttost twil: ‘fettul daħħani’.   2. Il-ftietel huma x-xenxul li jiddendel biex isebbaħ it-truf tal-purtieri jew xi drapp ieħor.  3. Frak imtawwal li jinqala’ mill-ġilda tal-ġisem bil-ħakk, l-aktar meta l-ġilda tkun xotta jew maħmuġa.  4. Romblu rqieq tat-tafal li bħalu jitqiegħdu bosta fuq xulxin, biex it-tafal jinħadem fuq ir-rota, l-aktar fit-tond. M.A.V. jagħti l-aġġettiv FETTULI – Tal. bislongo. (D) Qawl: Kulħadd jiġbed in-nar ħada [lejn] fettulu.