Fejn ħrabt ja żmien bla ħin għalija?

Qiegħed f’xi rokna mħabbel m’għanqbut ħsiebi?

Sikwit ngħarrixlek, nara nilmaħx dellek

tal-waqtiet sbieħ niġġerra ‘l bogħod ma’ ħbiebi.

Sajmin mill-frugħa tat-tlellix ċekċieki,

nimirħu ħielsa fil-widien tar-Raħal,

nixxabtu w nilhġu biex narċiża naqtgħu,

je’ nsoffu l-għasel mix-xehdiet tan-naħal.

 

Arani, liebes qmis tan-newl lenkieni,

roqgħa fuq roqgħa – lewn dublett nannieti –

u b’qorq imqatta’ marbut b’qafla m’għonqi

u b’qafl’oħra mehmuż xifer qalzieti.

 

Ġo borża, ġemba ħobż u ġbejna t’Għawdex,

tagħmilhom ommi mill-ħalib u x-xorrox! –

u bott bi spaga, li bih nimlew l-ilma,…

slaten ħenjin f’saltna mimlija b’kollox!

 

Il-qbiż u l-ġiri, qisni tewmi t’erħa

fejn mort? illum l-artrite għattbitni,

biex nagħmel pass jeħtieġli ħatar jgħinni,

żewġ tarġiet oħra u d-dud biss jiritni!

 

Nixtiequ ż-żmien bla ħin li ħarab…

Imma li xjaħt ma nħoss la hemm la dieqa,

neħja nara farfett jew tnejn jiżżagħblu,

bħal karti mżewqa jtiru qrib it-tieqa.

 

Mortu waqtiet sajfin, imma le mittu,

għax is-sebgħin l’għandi jgħibu, insir sabi…

li jirxuxtaw ma’ l-irxuxtar tal-muża,

nerġa’ niġri u naqbeż fil-widien ma’ sħabi!!!

Joe Ellul 16.8.89

Din il-poeżija dehret oriġinarjament fl-Imnara Vol 5(1997)4 Nru 21