1. Din hi tavla li taqsam minn naħa għall-oħra, eżattament wara l-bieb ta’ barra, u norm. isservi bħala xkaffa. Il-farxa kienet isservi bħala l-post ideali fejn jitqiegħdu xi oġġetti tad-dar, eż. ikel li kkonservat u li jdum biex jintuża u affarijiet oħra, biex dawn ikunu merfugħa f’post tajjeb b’mod li ma jintlaħqux. Intant din il-kelma hi wkoll rif. għal kwalunkwe xkaffa fid-dar, imma l-aktar fil-kċina, li fuqha kien jitqiegħed il-ħobż li jkun ser jittiekel bosta jiem wara. Qawl: La jiġi l-Milied warrab l-ixkubetta fuq il-farxa tal-bieb. 2. Il-firxa tal-mejda qabel l-ikel. Kelma li ġejja mill-verb ‘firex’. 3. Juan Mamo jsemmi dan in-nom f’kuntest ieħor, meta f’waħda mill-istejjer qosra tiegħu jsemmi FARXA ĦĠIEĠ biex jirriferi għall-vetrina tal-pożaplatti. Ara: Juann Mamo, Ġrajja Maltija, p. 74.