Magħruf ukoll bħala FAĦAM TAL-ĦAĠRA. Tip ta’ faħam magħruf mat-Taljani bħala litantrace. Dan it-tip ta’ faħam iswed u pjuttost ileqq jinstab l-aktar fil-minjieri tal-Ingilterra, Franza u fil-pajjiżi tal-eks-Unjoni Sovjetika, il-Belġju u l-Ġappun. Il-karbonju li fih dan il-faħam hu ta’ perċentwal għoli – daqs 82 fil-mija, u għaldaqstant dan il-faħam idum jaqbad aktar minn faħam ieħor. Biex jintuża ġieli dan il-faħam jinqata’ f’faxxi rqaq bħal forma ta’ sigarru. Ġieli jinqata’ wkoll forma ta’ lapes biex l-artisti jpinġu bih. F’Malta dan il-faħam ħa l-laqam ‘faħam tal-kannol’, għax il-forma kienet tkun eħxen, forma ta’ kannol, biex jitqiegħed fil-ħadida tal-mogħdija li fil-forma primittiva tagħha kien ikollha fiha bħal għata li tinfetaħ biex jitqiegħed il-faħam biex il-ħadida tal-mogħdija tisħon.