Frażi bil-Lat. Li tfisser: ‘skont il-wegħda’, rif. għar-rigal li jingħata bħala ringrazzjament lil Madonna jew xi qaddis ieħor, wara li l-persuna tkun qalgħet grazzja bl-interċessjoni tiegħu / tagħha.  Bosta drabi l-ex voto jkun xi pittura jew xi oġġett li jissimbolizza l-marda tal-pazjent. Hawn kemm-il santwarju f’Malta u Għawdex li huma meqjusa post ta’ pellegrinaġġ fejn isir it-talb u jitħallew mijiet ta’ ex votos li jfakkru dak il-perikolu li jkun għaddew minnu nies li ttamaw fil-grazzja. Fost dawn is-santwarji l-aktar famuż hu dak Ta’ Pinu li jinsab barra l-Għarb, Għawdex. Hemm ukoll is-Santwarju tan-Nattività tal-Mellieħa, dak Tal-Ħerba, f’Birkirkara, Tal-Ħlas, fil-wied il fuq minn Ħal Qormi u tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar. Xi oġġetti misjuba mill-arkeoloġi fl-Ipoġew ta’ Ħal-Saflieni, u eluf ta’ biċċiet ta’ fuħħar misjuba fiż-żona arkeoloġika f’Tas-Silġ, huma wkoll meqjusa bħala ex voto. Ara: The Maritime Ex-Voto, A culture of Thanksgiving in Malta, Isabelle Borg, 2005;  Ex Voto, Santwarju tal-Madonna Tal-Mellieha – Malta ta’ Jimmy Muscat, ‘Maritime Votive Paintings in Maltese Churches’, ta’ Andrew Cuschieri and Joseph Muscat, Melita Historica, Vol X no 2, 1989, pp. 121-144