Kitba li fil-kuntest li norm. tintuża tirriferi għall-‘ittri’ li kienu jinkitbu minn uħud mill-appostli. Dawn ‘l-ittri’ kienu korrispondenza bil-kitba ma’ komunitajiet Insara, Lhud, u individwi partikulari, biex dawn jimxu skont l-għerf tal-Knisja nisranija. Nafu b’wieħed u għoxrin-il Epistola. Tlettax-il Epistola inkitbu minn San Pawl, tlieta minn San Ġwann, tnejn minn San Pietru, waħda minn San Ġakbu u oħra minn San Juda. B’dawn l-epistoli l-appostli kienu jikkomunikaw mal-Insara biex iħeġġuhom jgħixu skont it-tagħlim ta’ Kristu. Fl-epistoli kienu jkunu spjegati wkoll ħsibijiet teoloġiċi. Fost l-epistoli l-aktar magħrufa hemm dawk li San Pawl kiteb lill-Korintin, lir-Rumani, lill-Filippin, lit-Tessalonkin u lil bosta oħrajn. Waqt il-quddies dejjem tinqara parti minn xi epistola bħala ‘lezzjoni’, eżattament qabel il-Vanġelu, u din tibda hekk: ‘Qari mill-Ittra ta’ San …’   EPISTOLARJU   Il-ktieb li fih ikunu miġbura l-ittri ta’ xi ħadd magħruf. Sors: E.S.I.