Dwar is-sit

Dan is-sit twieled minn sens ta’ ħarqien personali għall-miklem tal-Malti, partikularment dak safi mqaffas madwar taqsim tematiku tal-vokabularju.

Dizzjunarji tradizzjonali u teżawri huma għodda indispensabbli għal min hu mħajjar fl-ilsna, iżda it-tnejn jassumu li l-qarrej jaf x’qed ifittex.

Għalhekk nemmen li dan il-miklem li qed nibni għandu jkollu sehem siewi  u meqjus għal min ma jafx x’qed ifittex jew ma jafx li jeżistu kliem partikulari.

Apparti l-iskop ewlieni li dan is-sit iservi ta’ miklem tematiku – is-sit maħdum b’tali mod li jista jintuża ukoll  bħala teżawru u  dizzjunarju Malti / Ingliż u sa ċertu punt bis-saħħa tax-xbihat iservi ukoll ta’ enċiklopedija.

Irrid ngħid  li f’din il-ġabra mhux qed ninkludi biss kliem iżda wkoll espressjonijiet, idjomi, qwiel u dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ ilsienna.

Jien minix xi professur, iżda Malti komuni b’imħabba għal dan l-ilsien li sawwar ġensna u għalhekk fuq kollox nispera li dan is-sit ikattar għożża u ħajra fost nies oħra bħali għall-Malti.

F’dan il-miklem nagħmel enfażi fuq il-Malti safi għal żewġ raġunijiet: 1. Jien interessat li nitgħallem dejjem iżjed fuq il-Malti safi u 2: kulħadd jaf xi jfissru kliem misluf bħal invażjoni , impreċiż, primittiv jew kuntent… iżda ftit jafu xi jfissru sibja, mħaxlef, għafsi  jew xebgħan.

Jien ukoll bniedem li għandi memorja li taħdem b’mod iktar ta’ fejda meta dak li qed nipprova nitgħallem huwa preżentat  b’mod viżwali – għalhekk permezz ta’ dan is-sit jien se nipprova noħloq sistema ta’ ‘flash cards’ tematiċi jew ‘posters’ li jfehmu it-tifsir tal-kliem bis-saħħa tax-xbihat.

Kif tistgħu tobsru, jien dan il-proġett għadni kif bdejtu u anki jekk inżid mitt kelma jew frażi kuljum dan is-sit ma jistgħax ikun mitmum qabel numru twil ta’ snin. Għalhekk nitlobkhom tifhmu li dan huwa proġett personali u li nwiegħed hu li sa kemm itini s-saħħa Alla, jekk iżżuru s-sit ta’ spiss, dejjem se ssibu kliem u kontenut ġdid. Għandi pjanijiet ukoll biex inżid għodda oħra li għandkom issibuhom utli – iżda dak fil-ġejjieni.

Il-vokabularju li dan is-sit qed jinbena madwaru huwa miġbur minn diverżi sorsi iżda primarjament huma dawn:

Il-Miklem Malti ta’ Erin Serracino-Inglott

Id-Dizzjunarju Malti miġbur minn Mario Serracino-Inglott

Id-Dizzjunarji ta’ Ġuże Aquilina

Id-Damma ta’ Agius de Soldanis

Ġabra: an open lexicon for Maltese

Qiegħda fil-ponta ta’ l-Lsieni Vol I & II Ta’ Ġużi Gatt  – xogħlijiet li inspirawni biex noħloq vokabularju tematiku.

Bejn Kliem u Storja ta’ Martin Morana.

L-Imnara (pubblikazzjoni tal-Għaqda tal-Folklor)

Ġabra ta’ Kliem Malti Mhux Safi – Malti Safi  ta’ Pupull Debattista Borg.

Journal of Maltese Studies

Diversi kitbiet letterarji bħal Ward ta’ Qari Malti, Leħen Il-Malti etc.

Riżorsi oħra:

mymemory.translated.net

en.wikipedia.com

il Sansoni Inglese Dizionario English-Italian / Italiano-Inglese

Oxford English Dictionary

Lexico.com

Rigward l-ixbihat, dawk li mhumiex maħluqin speċifikament minn dan is-sit, meħudin fil-maġġoranza assoluta tagħhom minn Wikimedia Commons.

 

Fl-aħħar nett nitlobkom taħfruli meta ssibu l-iżbalji. Kif għedt m’inix Akkademiku u fuq kollox qed naħdem waħdi.

John Spiteri Gingell – Marzu 2015