Dak li Fadal mal-Ħafna li Għeb. 

Kitba ta’ Anton Attard. Dan l-artiklu kien deher oriġinarjament fl-Imnara (2013 Nru 37)

Ir-rabta tagħna l-Maltin mat-twemmin Nisrani tmur lura sekli sħaħ. Dan wassal biex, sa minn żminijiet imbiegħda, il-biċċa l-kbira ta’ ħajjitna tfasslet madwar dak kollu reliġjuż. Iċ-ċelebrazzjonijiet f’ġieħ il-qaddisin protetturi tal-irħula tagħna ma ħallejnihomx għal ġol-knejjes biss. Sehem kbir minnhom ħriġnieh fl-imsieraħ, fil-pjazez u fi triqatna. Il-festi saru l-aktar jiem speċjali tas-sena ta’ kull belt jew raħal. Maż-żmien, ma’ wħud minnhom intrabtu drawwiet partikulari. Xi wħud minn dawn għadhom magħna, iżda ħafna minnhom intesew u saru biss parti mill-folklor tal-Gżejjer tagħna.

DARI U LLUM

Daż-żmien, il-baned ħadu post il-għana mal-kitarri, il-mandolini, iż-żafżafa, iż-żaqq u t-tanbur. Minbarra dawn id-drawwiet li semmejna, hemm oħrajn li kienu marbutin ma’ festi partikulari, li fil-biċċa l-kbira, saru xi ħaġa tal-imgħoddi u ħafna miż-żgħażagħ u t-tfal tal-lum ma laħquhomx, jew forsi semgħu biss bihom.

Dari, rari kont tmur f’xi festa li fiha ma kienx ikun hemm xi tiġrija tal-bhejjem u xi drabi ta’ rġiel u żgħażagħ. Fi bliet qrib il-baħar, it-tiġrijiet tad-dgħajjes kienu aktar mifruxin mil-lum. Dawk f’nhar San Lawrenz fil-Birgu, ta’ Portu Salvu fl-Isla, u dik Tal-Karmnu, li kienet issir f’Marsamxett, saru ġrajjiet tal-imgħoddi. Baqa’ biss dik ta’ nhar il-Vitorja, li ssir mix-xatt tal-Marsa sal Belt. Magħha, id-dilettanti ta’ dix-xorta ta’ tiġrijiet, daż-żmien, ikunu qed jistennew oħra ġdida li daħlet mill-1979.  Għalkemm mhix festa reliġjuża, ta’ min iżid li fil-31 ta’ Marzu,  magħruf bħala Jum il-Ħelsien, bdiet issir regatta, bis-sehem tad-diversi bliet tas-soltu qrib il-baħar. Ir-rotta tkun differenti minn dik ta’ nhar il-Vitorja. Din id-darba il-ġerrejja jitilqu minn taħt id-Dwana l-Qadima u jaqdfu lejn taħt il-Maċina fl-Isla.

F’xi festi qrib il-baħar, il-Ġostra kienet parti essenzjali taċ-ċelebrazzjonijiet fuq barra. In-nies kienet togħxa tara liż-żgħażagħ jittantaw jaħtfu l-bandiera f’tarf arblu jiżloq bix-xaħam li kien jindilek miegħu. Kien jirnexxilu jagħmel dan wieħed biss, għax dawk ta’ qablu, wara diversi tentattivi, ikunu żelqu u spiċċaw il-baħar. Illum, f’xi festi, l-ġostra qisha dieħla mill-ġdid, iżda għad jonqos ħafna biex tqabbilha mal-popolarita’ li kienet tgawdi dari.

L-Arblu ta’ Mejju dari kien jiġbed folol kbar biex jaraw liż-żgħażagħ jippruvaw jitilgħu mal-arblu oħxon biex jaħtfu dak li jistgħu minn fost oġġetti varji, fosthom fliexken bl-inbid, boroż bil-ġbejniet, zalzett u xi ġugarelli, li kienu jiddendlu ma ċirku mdaqqas fil-quċċata.  Dan l-arblu fi żmienna reġa’ beda jintrama fil-Karnival (l-Kukkanja), għalkemm hu biss kopja fqira ħdejn l-għors li kien fih l-arblu ta’ dari.

Fl-imgħoddi,  ċerti festi tant kienu popolari li xi xhur jew jiem partikulari tas-sena kienu jingħarfu mill-festi li jaħbtu fihom. Bħal ngħidu aħna, għall-bdiewa, il-qbiela ma kinux jgħidu li jitħallsu fil-15 ta’ Awwissu iżda nhar Santa Marija. L-istess nhar l-Ewwel tas-Sena, fl-1 ta’ Jannar. Dan il-jum aktar kien magħruf bħala L-Istrina. Sa l-istaġuni jew l-elementi u forsi wkoll it-tbassir tat-temp kellhom rabta mal-festi. Biżżejjed niftakru l-għidut: sal-Milied la bard u anqas ksieħ.  Mqar kif se jkun it-temp f’jum il-Kunċizzjoni, fit-8 ta’ Diċembru – x’se jkun  maltemp jew bnazzi?. Xi wħud għadhom sal-lum jgħidu : jekk toħroġ is-seftura (S.Katerina fil-25 ta’ Novembru) toħroġ is-sinjura (il-Kunċizzjoni).

Flimkien ma’ dan kollu, ma’ ċerti festi, fl-antik, kienu ntrabtu drawwiet esklussivi.  Ħafna minnhom illum, tista’ tgħid li ntesew għal kollox. Oħrajn, fortunatament, inżammu. Għalhekk ikun xieraq li kemm dawk il-festi li għexnihom fi tfulitna, u kemm dawk li kitbu dwarhom studjużi tal-folklor Malti, bħal Guido Lanfranco, Ġuże’ Cassar Pullicino, Rafel Bonnici Cali’ u oħrajn, infakkruhom, biex il-ġenerazzjoni tal-lum ikollha ħjiel ta’ kif kienet imfassla parti minn ħajjet dawk ta’ qabilhom.

KALENDARJU TA’ DRAWWIET ANTIKI

L-ewwel festa tas-sena bi drawwa esklussiva għaliha kienet appuntu l-1 ta’ Jannar, l-Ewwel tas-Sena. Kien hawn id-drawwa li t-tfal jingħataw minn qrabathom, jew xi ħbieb,  għotja ta’ ftit soldi. Din l-għotja, li kienet magħrufa bħala Strina, kienet tkun mistennija ħafna mit-tfal. Dan il-jum kienu jistennewh ukoll is-sefturi, għax dakinhar is-sinjuri tagħhom kienu mistennija li jtuhom dik ix-xi ħaġa żejda mal-paga. Forsi għax tħajjarna mill-Ingliżi, qajl qajl, din id-drawwa inbidlet  għal jum il-Milied. B’aktar flus fl-idejn, illum, dawk il-ftit soldi nbidlu ma’ rigali li jiswew ġmielhom, li jingħataw mhux biss lit-tfal iżda wkoll mill-adulti lil xulxin.

Fis-17 tal-istess xahar, tiġi l-festa ta’  Sant Antnin Abbati. Drawwa li ntrabtet ma’ jum dan il-qaddis f’Malta bdiet fil-Birgu. Ħdejn knisja ddedikata lil dan il-qaddis f’din il-belt kienu jitbierku ż-żwiemel tal-kavallieri. Din id-drawwa, wara li  l-Ordni mar  il-Belt Valletta, kompliha quddiem il-Knisja tal-Vitorja. Aktar tard, din iċ-ċerimonja bdewha l-Agostinjani fir-Rabat, fuq iz-zuntier tal-Knisja ta’ San Mark. Ta’ min jgħid li maż-żmien, maż-żwiemel żdiedu l-bgħula u l-ħmir minn dawk l-inħawi.  Hawn ukoll żdied l-għoti ta’ xi ftit xgħir minn tilar li kienu jgħaddu minn bhima għal oħra. Din id-drawwa jew ċerimonja tat-tberik tal-annimali  kompliet tinfirex fi rħula u bliet oħra u fiha llum naraw kull xorta ta’ annimali minn klieb u qtates sa ħamiem u għasafar.

Fit-22 ta’ Jannar taħbat festa oħra –  dik ta’ San Franġisk de Sales. Minn ftit taż-żmien ’l hawn, intrabtet magħha l-quddiesa li ssir fl-Istitut Kattoliku għall-ġurnalisti u l-kittieba. Din ġeneralment titqaddes mill-Arċisqof, b’omelija relatata mal-missjoni ta’ din il-professjoni.

It-tifkira tal-Preżentazzjoni ta’ Ġesu’ fit-2 ta’ Frar kienu ntrabtu magħha diversi drawwiet. Kienet magħrufa aktar bħala l-festa tal-Kandlora. Ħadet dan l-isem mix-xemgħat, bi xbieha tal-Madonna stampata fil-parti t’isfel, li kienu (u f’xi nħawi għadhom) jitbierku f’dak il-jum, u jitqassmu  lill-familji. Ix-xemgħa kienet tinxtegħel waqt xi maltempata, u jitolbu lill-Madonna teħlishom minn xi għawġ li tista ġġib ix-xita qliel jew xi sajjetta. Ix-xemgħa kienet tiddendel ukoll man-nieqa tat-trabi biex jinħelsu mill-mard jew minn xi għajn ħażina. F’dan il-jum jew qrib tiegħu, il-kappillani kienu jippreżentaw xemgħa tal-kandlora lill-Isqof u oħra lill-Gvernatur, b’sinjal ta’ rispett. Xi ħadd kien qalli li fl-antik, dik mogħtija lill-Gvernatur kienet tkun imbierka biss jekk dan ikun kattoliku.

Il-festa ta’ San Ġużepp fid-19 ta’ Marzu, fl-imgħoddi, kienet iġġib magħha ħafna iżjed xogħol għall-furnara u forsi, xi ftit ta’ qligħ aktar mis-soltu wkoll. F’dan il-jum, fl-antik, ħafna aktar mil-lum, kienu jagħmlu speċi ta’ qassatat tal-ħelu, magħrufin bħala zeppoli.

Għalkemm il-Karnival huwa festa profana, intrabat miegħu ħelu ta’ bixra oħra. Dawn huma l-perlini u dik li nsibuha bħala prinjolata li, għalkemm mhux daqs qabel, għadna niftakru fihom u nsibuhom għall-bejgħ għand diversi dulċiera f’dawk il-jiem.  Il-Kukkanja reġgħet iddaħħlet minn xi snin ’il hawn, imma min jiftakar dik ta’ dari jaf kemm kienet tkun mistennija, speċjalment miż-żgħażagħ.  Kien l-għors tagħhom li fi Tnejn il-Karnival, jinġabru fill-Pjazza tal-Palazz, il-Belt, jistennew il-waqt li jingħata s-sinjal biex b’ġirja waħda jiġru lejn arbli li kienu jintramaw hemm. Mal-arbli kien ikun hemm imdendlin perżut, zalzett u saħansitra annimali, bħal fniek u gidien, mgħottijin bi friegħi iħaddru, aktarx biex dak li jkun ma jkunx jaf x’se jaħtaf. Kollha  jissieltu u jimbuttaw biex jaħtfu kemm jistgħu, fost l-għors li kienu jagħmlu dawk li jinġabru biex jarawhom.

It-tfal jiġru u jkaxkru warajhom, bi ħsejjes li jtarrxu, marbutin flimkien, kull xorta ta’ laned, bramel u banjijiet li għamlu żmienhom, jekk mhux ukoll xi awrinar imxellef u mtaqqab, spiċċaw ukoll mit-toroq tagħna. Tul dawn il-jiem, ftit għadek tara, daqs fi  snin ilu, maskerati jduru fit-triqat lebsin ta’ skeletri, erwieħ jew xjaten. Għadek tara biss tfal żgħar lebsin ta’ xi wieħed mill-karattri li jidhru fit-televiżjoni.

FI ŻMIEN IL-ĠIMGĦA MQADDSA.

Qrib April tasal il-Ġimgħa Mqaddsa, li magħha ntrabtu diversi drawwiet. Dawn jibdew mill-ewwel Ħadd tar-Randan, li jiġi l-ewwel Ħadd wara l-Karnival. Din il-ġurnata għadha sal-lum magħrufa bħala Ħadd in-Nies. Fl-antik, il-Maltin kienu jinġabru bi ħġarhom f’Ħaż-Żabbar, fejn  isir  pellegrinaġġ għas-Santwarju Tal-Grazzja. Għalkemm dan għadu jsir illum ukoll, naqsu għal kollox il-folol fosthom dawk l-għannejja ħerqana biex juru ħilithom lil dawk li kienu jinġabru madwarhom. Għadd ta’ familji u magħhom bejjiegħa kienu jibqgħu jsajru l-fniek barra t-triq, sa ma jidħol il-lejl sewwa.

Il-Vara l-Kbira tal-Belt

Drawwiet il-Ġimgħa Mqaddsa kienu jibdew minn Ħadd il-Palm. F’dan il-jum, l-irġiel kont tarahom b’werqa taż-żebbug jew salib żgħir magħmul mill-weraq tal-palm fil-pavru tal-ġlekk, fis-sidrija jew fil-berritta.

Tlett iijiem wara, jasal l-Erbgħa tat-Tniebri, aktarx mistenni l-aktar mit-tfal. Dawn kont issibhom fil-knisja, lesti biex iħabbtu s-siġġijiet, meta jingħataw is-sinjal. Dan it-taħbit kien  parti mir-rit liturġiku għal dak il-jum, qabel it-tibdil li sar wara l-Konċilju Vatikan II.

Minn wara l-istess Konċilju, m’għadniex naraw il-kwadri, is-slaleb u t-twieqi tal-knejjes mgħottijin bi drapp vjola jew iswed, li fil-knejjes kienu xempju tal-atmosfera kiebja ta’ dawk il-jiem.

L-istess f’Ħamis ix-Xirka. Fejn għadek tara llum dak is-serbut ta’ fratelli wara s-salib tal-fratellanza, jew l-imsieħba tal-każini tal-banda u għaqdiet oħra wara d-direttur spiritwali, jgħidu r-Rużarju, deħlin u ħerġin mill-knejjes, f’dawk li konna nsejħulhom il-Visti tas-Seba’ Knejjes?

Nhar il-Ġimgħa l-Kbira, m’għadekx tara l-irġiel libsin il-libsa sewda, li x’aktarx kienet tkun dik li libsu dakinhar tat-tieġ. Għalkemm għadek tara xi bejjiegħa bil-karamelli tal-ħarrub, l-għajta tagħhom ta’ żminijiet oħra:  Karamelli tal-ħarrub, min jikolhom ma jagħmilx dnub, m’għadhiex tinstama’ iżjed. Jista’ jkun li m’għadhomx jagħmlu dan biex ma jurtawx lill-bejjiegħa tal-pastizzi, hot dogs u mqaret li naraw daż-żmien.  Donnu anke l-kwareżimal, li tant kien jinxtara fl-antik, qed jitlef mill-popolarita’ ta’ dari.

L-Irxoxt tal-Belt

Ħadd il-Għid wara d-daqq tal-Glorja, kien jibda bi drawwa ta’ devozzjoni li llum spiċċat għal kollox. L-ommijiet li kellhom it-trabi kienu jitolbu lis-sagristan xi ftit fjuri mis-Sepulkru. Dawn kienu jemmnu li jekk fl-ilma tal-banju li fih jaħslu ’l uliedhom jitfgħu dawk il-fjuri, uliedhom jeħilsu mill-mard jew ifiqu minn dak li seta’ jkollhom.

Fil-Birgu, wara d-daqq tal-Glorja, it-tfal kienu jinġabru bi ħġarhom wara raġel bit-tambur idur mat-toroq. Waqt l-għors u d-daħk tagħhom kienu jgħajtu, waħda wara l-oħra, b’ħanġra daqshiex: Haduhielu, lill-begigga ħaduhielu. Hemm diversi verżjonijiet ta’ kif oriġinat din l-għajta.

Il-purċissjonijiet bl-istatwa tal-Irxoxt fl-ibliet tal-Kottonera għadhom sal-lum jiġbdu folol kbar. Kulħadd fuq ix-xwiek biex jara ż-żgħażagħ, f’toroq partikulari, jieħdu post ir-reffiegħa, biex jagħmlu dik il-ġirja bl-istatwa, fost iċ-ċapċip tan-nies. Kien f’dan il-waqt li t-tfal kienu jgħollu l-figolla u jitolbu lill-Irxoxt iberikhielhom. Għax qabel jagħmlu dan, ma kinux jitħallew jieklu minnha. Snin ilu, rari kont tara tfal mingħajr figolla. Jingħad li fl-imgħoddi l-figolli kienu biss forma ta’ ħaruf. Maż-żmien bdew isiru f’forom differenti, bħal ta’ raġel, mara, żiemel u figuri oħra, iżda magħhom xorta waħda baqgħet titwaħħal il-bajda kulurita, li aktar tard saret taċ-ċikkulata. Illum dawn inbidlu ma’ bajd taċ-ċikkulata daqshiex, jew ma’ ġugarelli ta’ kull xorta li m’għandhom x’jaqsmu xejn mat-tradizzjoni Maltija.

Drawwa esklussiva fir-raħal tax-Xagħra f’Għawdex huma l-qassatat tal-Għid. Qaluli li dawn aktarx li jagħmluhom in-nanniet u jkun il-gost tagħhom jagħtuhom lin-neputijiet, flimkien ma’ xi figolla, f’jum din il-festa tant ferrieħa.

Mal-Għid, kienet intrabtet ukoll id-drawwa tat-tbaħħir tad-djar. Kien isir jew is-Sibt inkella l-Ħadd, meta membru tal-familja, aktarx l-omm, kienet tidħol f’kull kamra tad-dar, bil-weraq taż-żebbuġ jinħaraq f’xi reċipjent tal-metall, l-aktar xi taġen. Waqt li kienet tagħmel dan, ħafna drabi, imsieħba mill-membri l-oħra tal-familja, kien jingħad xi talb. Kienu jemmnu li din iċ-ċerimonja tkeċċi l-ispirti ħżiena minn darhom u teħlishom mill-għajn ħażina.  It-tbaħħir fid-djar seta’ jsir ukoll kull nhar ta’ Ħamis, waqt li l-qniepen idoqqu dik il-mota msejħa ”Tal-Ħamis”.

L-Irxoxt ta’ Ħal Qormi . Ir-ritratt mehud Triq San Pietru.

 

LEJN NOFS IS-SENA

Tlett ijiem wara l-Għid, tasal il-festa ta’ San Girgor. Daż-żmien għadha tiġi ċċelebrata, imma b’mod limitat ħafna. Fl-antik, kien mod ieħor. Dik il-ħabta kienet issir purċissjoni mill-Katidral tal-Imdina għall-Knisja ta’ San Girgor fiż-Żejtun. Kienu jieħdu sehem il-parroċċi ta’ Malta bil-fratellanzi tagħhom kollha. Probabbilment  dawn kienu jkunu l-attrazzjoni prinċipali, l-aktar dak li kien ikollu l-istendard. Kien hekk, għax meta kienu jaslu fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun, u aktar tard quddiem dik ta’ San Girgor, ir-reffiegħ ta’ l-istendard kien mistenni juri ħiltu billi jbaxxi lejn l-art l-istendard għal tliet darbiet. Billi dan kien ikun tqil ġmielu, ma tkunx ħaġa faċli biex jerġgħu jarbulawh ’il fuq u mhux l-ewwel darba li l-lasta kienet tinqasam; biċċa tibqa’ f’id il-fratell u l-bqija ta’ l-istendard jispiċċa fl-art.

Wara l-funzjoni reliġjuża fil-knisja, in-nies kienet terħilha bi ħġarha lejn Marsaxlokk, jew ir-Ramla ta’ San Tumas  Hawn iqattgħu l-bqija tal-ġurnata jilagħbu l-karti jew it-tombla u oħrajn, miġburin qaqoċċa, jgħannu sa ma jinħanqu. Għalkemm ħafna u ħafna inqas minn qabel, f’San Girgor, din il-mawra ħdejn il-baħar, xi wħud baqgħu jagħmluha daż-żmien ukoll.

Erbgħin ġurnata wara l-Għid, jasal it-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej, jew kif insibuha iżjed – Lapsi. Din il-festa kienet tkun mistennija ħafna minn dawk ta’ qabilna. Billi l-jiem sbieħ tar-rebbiegħa jkunu magħna u l-arja tkun bdiet tisħon, f’dan il-jum, in-nies kienet terħilha lejn il-baħar. Dawk ta’ l-ibliet fil-Port il-Kbir li kellhom xi dgħajsa jew frejgatina, kienu jaqdfu lejn il-bajjiet tar-Rinella u tax-Xewkija, fil-Kalkara. Dawk li ma kellhomx, jikkuntentaw jintasbu għad-dell fuq ix-xtajta u jgħaddu l-lejla jmaxtru u jlegilgu dak li jkunu ġiebu fil-ġwielaq magħhom. F’Għar Lapsi, ismu miegħu, kienu jinġemgħu dawk tal-irħula qrib, filwaqt li dawk ta’ Birkirkara u l-madwar, kienu jinġemgħu tul ix-xatt ta’ San Ġiljan. Hemm diversi għanjiet marbuta ma’ din il-festa u minnhom tintebaħ kemm din kienet tkun mistennija minn dawk iż-żgħażagħ xewqana li jsibu  s-sieħeb jew is-sieħba li magħhom kellhom jgħaddu l-kumplament ta’ ħajjithom. Min jaf kemm-il żwieġ ixxettel fil-bajjiet li semmejna. It-tfal kellhom sehemhom ukoll f’dan il-jum. Ħafna minnhom kienu jistennew il-bandla li kien jagħmlilhom dakinhar missierhom xi mkien addattat fid-dar jew ma’ xi zokk ta’ siġra f’xi għalqa qrib.

IL-ĦOBŻ TA’ SANT’ ANTNIN U L-ĦĠEJJEĠ TA’ SAN ĠWANN

Ġunju mhux nieqes minn drawwiet, li sa ftit ilu kienu kważi ntesew għal kollox. Drawwa fostna li tmur lura mijiet ta’ snin hija l-ħuġġieġa li kienet titqabbad f’kull belt u raħal nhar San Ġwann Battista fl-24 ta’ Ġunju. L-għors tan-nies kien jilħaq l-aqwa tiegħu meta jaraw iż-żgħażagħ jgħaddu bil-ġirja minn fuq il-ħatab iħeġġeġ. Wara li kienet intesiet għal kollox, issa hawn lokalitajiet li d-drawwa tal-ħuġġieġa qed iqajmuha mill-ġdid.

Fil-Birgu, fejn bdiet din id-drawwa mal-wasla tal-Ordni f’Malta, kienu jitkebbsu diversi ħġejjeġ, bit-tfal u ż-żgħażagħ ta’ nħawi partikulari jimpikaw bejniethom ta’ min tkun l-akbar. Minn jiem qabel, is-subien erħilhom jiġbru u jittalbu njam u xi għamara mkissra mingħand min ried jeħles minnha. Fil-quċċata tal-munzell kienu jagħmlu trajbu, li kien ifakkar il-Mislem li ħareġ tellief f’din il-belt, fl-Assedju l-Kbir. Il-bniet, b’kuntrast mat-trajbu li kienu jagħmlu s-subien, dakinhar huma kienu joħorġu bl-isbaħ pupa li kellhom.

F’Ġunju jiġu ċċelebrati wkoll żewġ festi devoti – Korpus u l-Qalb ta’ Ġesu – li magħhom intrabtu drawwiet jew devozzjonijiet li jmorru lura fiż-żmien.  F’Korpus joħroġ is-Sagrament merfugħ fuq l-idejn u miexi taħt baldakkin.  Dawk li joqogħdu fit-toroq mnejn tgħaddi l-purċissjoni, kienu jżejnu qrib djarhom bil-gastri, u fuqhom iqiegħdu l-qsari bi pjanti ta’ kull xorta.  In-nies li jinzertaw fit-triq kienu jinżlu għarkubbtejhom x’ħin jgħaddi s-Sagrament minn quddiemhom.

Billi f’dan ix-xahar fil-biċċa l-kbira tal-parroċċi t-tfal jagħmlu l-ewwel tqarbina, kemm fil-purċissjoni ta’ Korpus u kemm f’dik tal-qalb ta’ Ġesu jieħdu sehem dawn l-istess tfal, lebsin il-libsa magħrufa fostna bħala “tal-Praċett”.  Xi tfal ikollhom kannestru jew qoffa mimlija bil-fjuri u l-weraq, u minn ħin għall-ieħor jitfgħu fjura fl-art, qabel jgħaddi s-Sagrament.

Pittura qadima tal-Imnarja

Fit-29 ta’ Ġunju tiġi l-festa ta’ San Pietru u San Pawl, jew kif nafuha l-Imnarja. Insibuha hekk mid-drawwa antika tal-mixgħela bil-fjakkli li kienet issir fuq is-swar tal-Imdina. Kienet, għalkemm xi ftit għadha, waħda mill-festi l-aktar mistennija. In-nies kienet tridha tant, li l-attendenza għaliha kienet waħda mill-kundizzjonijiet fil-ftehim bejn l-għarajjes għal wara ż-żwieġ. Ma’ din il-festa ntrabtet id-drawwa li lejlietha n-nies tinġama’  l-Buskett u tgħaddi l-lejl taqli l-fniek, tmaxtar, tlegleg l-imbid u tgħanni sa kważi  sbieħ il-jum. Fl-antik, aktar mil-lum, kienu jkunu mistennija ħafna t-tiġrijiet tal-bhejjem li jsiru fit-telgħa tas-Saqqajja. Ir-rebbieħa kienu jistennew il-paljijiet mill-isbaħ li kienu jingħataw. Uħud minnhom kienu jagħtuhom lill-knejjes ta’ raħalhom biex isiru trieħi jew ventartali.

Il-wasla lura fir-raħal ta’ dawk li jkunu telgħu għall-festa kienet tkun mistennija ħafna. Dawn kienu jaslu kollha f’daqqa u dawk li ma’ marrux kienu jistennewhom f’tarf ir-raħal biex forsi jmisshom xi tuffieħa minn dawk li kienu jwaddbulhom minn fuq il-karrettuni dawk li jkunu ġejjin lura mill-Buskett.

Għax-xahar ta’ Ġunju ma rridux ninsew l-hekk imsejjah ħobż ta’ Sant Antnin. Dawn il-ħbejżiet imbierka kienu jingħataw, u f’xi nħawi, speċjalment fil-knejjes tal-Franġiskani, għadhom jitqassmu sal-lum lil dawk li jattendu għal xi waħda miċ- ċelebrazjonijiet  f’jiem il-festa ta’ dan il-qaddis, nhar it-13 tax-xahar.

Fost l-imkejjen li żammew din id- drawwa jew devozzjoni hemm il-kappella rurali ddedikata lil dan il-qaddis  f’Wied Iz-Ziju, bejn iż-Żejtun u Wied il-Għajn. Nhar il-festa, titqaddes quddiesa fiha mill-kappillan ta’ Wied il-Għajn u fi tmiemha, jitbierku u jitqassmu l-ħbejżiet lil ħafna devoti tal-qaddis li kull sena jimlew il-kappella u l-wesgħa ta’ quddiemha.

JISSOKTA

(C) Anton Attard